Lokali

€15-il miljun sabiex Vitals iżommu ħalqhom magħluq

Konfoffa oħra li hija parti mill-kobba mħabbla fid-deal frawdolenti tat-tliet sptarijiet. Din id-darba… pagament ta’ miljuni minn Steward lejn Vitals Global Healthcare.

Emails interni li kienu għaddew bejn Steward Healthcare u l-Kap Eżekuttiv ta’ Vitals, Ram Tumuluri juru li kien hemm ftehim bejn iż-żewġ partijiet sabiex Tumuluri jitħallas €10.5 miljun biex iżomm skiet assolut dwar in-nuqqasijiet li saru mill-kumpanija Steward b’rabta mat-tliet sptarijiet Maltin.

L-OCCRP żvelat li kien kbir it-theddid legali bejn Vitals u Steward, wara li Steward ħadu t-tliet sptarijiet taħt idejhom. B’dawn iż-żewġ partijiet jilħqu ftehim fi Frar tal-2019, sabiex Ram Tumuluri jitħallas €10.5 miljun ewro, filwaqt li membru eżekuttiv ieħor ta’ Vitals kien se jitħallas 5 miljun ewro….total ta’ 15-il miljun sabiex iżommu fommhom sieket dwar in-nuqqasijiet li saru fil-konċessjoni ddikjarata frawdolenti mill-Qorti għal darba darbtejn.

Intant, ftit wara li għaddew dawn il-flejjes kbar, il-midja rrappurtat li Vitals ħallew warajhom €36 miljun dejn – f’sentejn biss minn meta ħadu taħt idejhom l-isptarijiet. Bil-Kap Eżekuttiv ta’ Vitals jakkuża lill-kumpanija Steward li kisru l-ftehim bejn iż-żewġ partijiet.

Fil-fatt, avukat ta’ Steward, bagħat email interna lill-Kap Eżekuttiv ta’ Steward Healthcare, Armin Ernst fejn stqarr li kien hu li kkalma s-sitwazzjoni bejn il-partijiet, filwaqt li insista li kien hemm mal-5 miljun raġuni għalfejn Steward ma riedx joħloq kaos f’Malta.

Dan il-każ għadu suġġett għal proċeduri fil-Qrati Maltin u anke fl-Istati Uniti. Dan filwaqt li l-Gvern ta’ Robert Abela għadu ma ġabx lura imqar ċenteżmu mill-fordi li sar matul is-snin.