Internazzjonali

Gaza: L-attakki mill-ajru jkomplu minkejja li l-ftehim għal waqfien mill-ġlied jista’ hu imminenti

L-attakki mill-qawwiet tal-ajru Iżraeljani komplew avolja Iżrael u l-grupp terroristiku Ħamas qed jidhru qrib ħafna ta’ ftehim għal waqfien mill-gwerra li ilha għaddejja f’Gaza sa mill-ewwel jiem ta’ Ottubru tal-2023.

Fl-aħħar sigħat, inqatlu tal-anqas 20 fost ir-rejds tal-ajruplani Iżraeljani fuq l-inħawi ta’ Gaza indikati bħala moħbiet tat-terroristi – u li matulhom intlaqtu wkoll numru ta’ residenzi.

Il-katavri tal-vittmi, f’dawn is-sigħat, twasslu l-Isptar tal-Martri Al Aqsa u meta ħafna minnhom kienu residenti fil-kamp ta’ Nuseirat għar-refuġjati li hu ffullat bil-familji.

Intant, wieħed qed jistenna l-konklużjoni tal-ftehim – x’aktarx li imminenti – għall-waqfien mill-ġlied bejn Iżrael u l-Ħamas. Ftehim li għandu jwitti t-triq għall-ħelsien tal-ostaġġi Iżraeljani li ilhom ix-xhur miżmumin mit-terroristi u li jippermetti wkoll biex l-Iżraeljani jirtiraw is-suldati u t-tankijiet mill-artijiet ta’ Gaza.

Mifhum li l-Ħamas għadu qed iżomm madwar 100 ostaġġ f’Gaza – bl-Iżraeljani jaħsbu li numru minn dawn l-Iżraeljani m’għadhomx ħajjin.