“Attentat perikoluż biex ixekkel waħda mill-għodod li għandu ċ-ċittadin ordinarju”
“Id-deċiżjonijiet tal-pajjiż donnhom mhux qed jittieħdu f’Kastilja imma minn xi mkien ieħor – donnu hemm id moħbija li ħatfet il-poter u Prim Ministru li jiżfen għad-daqqa ta’ ħaddieħor”.
Sostna dan l-Editur tal-MaltaToday Kurt Sansone b’rabta mal-abbozz ta’ liġi mbuttat minn Robert Abela biex ibiddel il-mod ta’ kif isiru l-inkjesti maġisterjali.
Huwa saħaq li għal Abela l-effiċjenza tapplikaha fejn jaqbel u insista li din l-effiċjenza kollha ma hija xejn ħlief attentat perikoluż biex ixxekkel waħda mill-għodod li għandu ċ-ċittadin ordinarju biex jitlob investigazzjoni meta jħoss li hemm nuqqasijiet serji fl-amministrazzjoni tal-pajjiż.
Dan filwaqt li elenka numru ta’ istanzi fejn il-Gvern minflok ħaffef passejh kif qed isir f’din il-liġi, għadu jkaxkar saqajh għal xhur twal.
“Imbierek Alla, l-effiċjenza taret mar-riħ fil-bidla mwegħda mill-Prim Ministru fl-1 ta’ Mejju tal-2023 fil-liġi tal-ippjanar biex xogħlijiet fuq proġetti ma jkunux jistgħu jibdew qabel jinqata’ l-appell. L-abbozz ta’ liġi għadu qed jinħema qalulna, ma jmurx il-gvern ixellef difru mal-ġganti tal-iżvilupp.”
“Imbierek Alla, l-effiċjenza taret mar-riħ fil-każ tal-White Paper imwegħda f’Ottubru tal-2023 biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-ġurnalisti. Kollox intesa għax il-ġurnalisti issa huma l-għedewwa l-ġodda għal dan il-gvern.”
“Imbierek Alla, l-effiċjenza l-gvern sabha biss biex jipproteġi lill-ministri tiegħu u l-akkolti tagħhom, anki jekk hemm suspetti serji ta’ abbuż.”
Sansone insista li numru kbir ta’ każijiet ta’ korruzzjoni, ħasil ta’ flus, tixħim u frodi fil-konfront ta’ diversi nies li kienu jew ipoġġu madwar il-mejda tal-poter jew qrib ħafna tagħhom waslu s’hawn proprju bis-saħħa tal-imsemmija inkjesti maġisterjali.
Huwa insista li Abela u wħud fil-gvern tiegħu ma tgħallmu l-ebda lezzjoni mir-riżultat elettorali ta’ Ġunju li għadda.
//= $special ?>