Il-Kap tal-PN jilqa’ lill-Ambaxxaturi għall-iskambju annwali tal-awguri għas-sena l-ġdida fid-Dar Ċentrali
Malta għandha l-abbiltajiet meħtieġa biex tkun fuq quddiem nett fil-ħidma internazzjonali għall-paċi. Bħala Maltin dejjem tajna kontribut siewi fi kwistjonijiet internazzjonali, bħalma għamilna dan l-aħħar meta mexxejna r-riżoluzzjoni dwar il-Lvant Nofsani kif ukoll meta poġġejna fuq il-mejda tad-diskussjoni l-perikli tal-livelli dejjem jogħlew tal-baħar riżultat tat-tibdil fil-klima.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech tkellem dwar ir-rwol li għandha Malta fl-isfera internazzjonali waqt l-iskambju annwali tal-awguri għas-sena l-ġdida ma’ Ambaxxaturi u membri oħra tal-Korp Diplomatiku li qed iservu f’pajjiżna, attività li saret fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.
Waqt li ta ħarsa lura lejn l-2024, Bernard Grech qal li din kienet sena oħra ta’ ħidma għall-Partit Nazzjonalista u li tat il-frott fost l-oħrajn fir-riżultati tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fejn il-PN kiseb l-aqwa numru ta’ voti minn kemm ilhom isiru dawn l-elezzjonijiet f’pajjiżna, kif ukoll f’dawk tal-Kunsilli fejn il-PN kiseb lura sitt kunsilli.
Fakkar ukoll kif Roberta Metsola, MEP tal-Partit Nazzjonalista, reġgħet ġiet ikkonfermata President tal-Parlament Ewropew għat-tieni terminu, fejn qed tkompli bix-xogħol importanti biex issaħħaħ l-Unjoni Ewropea u tqarreb dejjem aktar lill-Parlament Ewropew lejn iċ-ċittadini tal-UE.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar fl-importanza li nibqgħu għajnejna miftuħin dwar l-iżviluppi fil-pajjiżi ta’ madwarna fosthom il-krizi f’Gaza u l-Libanu, il-kunflitt bejn l-Ukrajna u r-Russja, u dik li se tkun it-triq ’il quddiem fis-Sirja wara l-waqgħa tar-regim ta’ Assad f’Ottubru li għadda.
Huwa awgura wkoll lil Donald Trump hekk kif fi ftit ġranet oħra se jkun qed jieħu f’idejh il-Presidenza fl-Istati Uniti u qal li jħares ’il quddiem lejn aktar tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali diġà tajbin mal-Istati Uniti.
Bernard Grech awgura lill-Ambaxxaturi preżenti sena ta’ ħidma u ta’ aktar titjib fir-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi għall-ġid tal-popli kollha.
//= $special ?>