Fl-Isptar Mater Dei għandna kriżi bla preċedent. Il-pazjent għadu qed isofri u s-sitwazzjoni ta’ emerġenza li tinsab fiha s-sistema tas-saħħa, li mhux talli għadha magħna, imma talli saret aktar akuta. Dan intqal fi stqarrija maħruġa mix-Shadow Minister għas-Saħħa Adrian Delia.
U issa anke l-ħaddiema tas-saħħa – li sa issa żammew is-sistema kollha milli tikkrolla – waslu f’punt fejn ma jifilħux aktar u anke huma qed jilmentaw dwar is-sitwazzjoni li qed jiddeskrivuha bħala tal-biża’ u tal-biki.
Robert Abela qed jiġi jaqa’ u jqum mis-settur tas-saħħa u qed jipprova jraqqa’ l-pannu bil-qargħa aħmar.
Ir-riżultat hu li l-kriżi fis-saħħa ma ssolvietx u mhux se tissolva. Il-pazjenti qed ibatu u qed iħallsu qares b’saħħithom. Waqt li l-professjonisti tas-saħħa qed iġorru fuqhom il-piż ta’ din il-kriżi.
Il-Gvern li żied il-popolazzjoni b’120,000 mingħajr pjan fi ftit snin, u li fl-istess waqt berbaq €400 miljun fuq il-frodisti li serquna bl-isptarijiet, illum għandu track record tal-biki fejn tidħol is-saħħa f’Malta. Li kieku ma seħħx dan il-frodi, m’aħniex fis-sitwazzjoni li ninsabu fiha llum bl-Isptar Mater Dei wasal biex jikkrolla.
U l-prezz qed iħallsu l-pazjent u l-ħaddiem f’dan is-settur. Qed tħallsu int. Ħlejna 10 snin u aktar li għalihom issa qed iħallas b’saħħtu l-poplu Malti u Għawdxi.
Il-Partit Nazzjonalista ilu ħafna jwissi li s-sistema tas-saħħa waslet biex tikkrolla u jġedded l-appell tiegħu biex tinstab soluzzjoni madwar il-mejda, wsqt li lest jibqa’ joffri kull sostenn f’qasam daqstant delikat u kruċjali.
Jekk il-Gvern se jibqa’ jirrifjuta l-għajnuna li trid tagħti l-Oppożizzjoni, u se jibqa’ jħalli lill-professjonisti barra mid-deċiżjonijiet li jieħu fil-qasam tas-saħħa, dan il-qasam se jkompli jikkrolla.
Huwa tajjeb li ninvolvu l-privat, anzi għandna naraw kif ninvolvu lis-settur privat iktar u ninċentivawh jinvesti iktar. Imma dan ma għandux isir biss meta nkunu fi kriżi, u mingħajr pjan u konsultazzjoni.
Il-PN jibqa’ jappella għas-sens komun qabel ma jkun tard wisq.
//= $special ?>