BREAKING NEWS Lokali

IRRABJATI GĦAL ROBERT ABELA: L-emendi dwar l-Inkjesti u l-għażla ta’ Ramona Attard saru qabel tlaqqa’ l-Grupp Parlamentari

Sorsi mill-qalba taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista żvelaw kif fl-aħħar sigħat qam ferment sħiħ fost il-Grupp Parlamentari Laburista. Dan wara li fil-midja ħareġ l-isem ta’ Ramon Attard – il-persuna li se tiġi co-opted fil-Parlament minflok Randolph de Battista.

In-nies li tkellmu magħna qalulna li Abela ried joħroġ dan l-isem qabel biss jiġi diskuss internament. Fil-fatt, il-laqgħa tal-Grupp Parlamentari hi skedata li ssir għada.

L-istess sorsi fissru kif Abela, lanqas l-emendi dwar l-Inkjesti Maġisterjali ma ressaq quddiem il-Grupp Parlamentari. Tant hu hekk, li meta fl-aħħar jiem staqsejna domandi diretti lill-Ministri u s-Segretarji Parlamentari lanqas huma ma kienu kapaċi jagħtuna dettalji – proprju għax tħallew fil-għama minn Robert Abela, u l-klikka żgħira ta’ Ministri li jqishom “ta’ ġewwa”.

Rapporti fit-Times of Malta żvelaw li l-Eks President tal-Labour Ramona Attard se tingħata siġġu fil-Parlament bħala co-option sabiex tieħu post Randolph De Battista.

Ramona Attard kienet telqet mill-pożizzjoni ta’ President tal-Partit Laburista wara r-riżultat deludenti fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Ġunju li għadda. Dan filwaqt li fl-istess perjodu, Randolph De Battista – wara diversi battibekki u argumenti – intwera l-bieb ta’ barra minn Robert Abela. Bil-Prim Ministru ddeċieda li jeħles minnu billi jibagħtu Ambaxxatur f’Ġinevra.

U issa, is-siġġu tiegħu ngħata proprju lil Ramon Attard.

Qabel ma nħatret President tal-Labour, Ramona Attard kienet taħdem ukoll fl-uffiċċju komunikazzjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat u kienet anke ġurnalista mal-midja Laburista.