Lokali

“Irridu nippreservaw dak li huwa parti mill-identità tagħna” – Bernard Grech

Ritratt: Martin Agius

“Pajjiżna huwa magħmul mil-istorja tagħna, u għalhekk għandna nippreservaw dak li huwa parti mill-identità tagħna”.

Kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt żjara li għamel f’Villa Frere – villa li għandha aktar minn 200 sena storja. Villa ii ilha għaddejja minn restawr għal dawn l-aħħar 11-il sena, bil-moħħ wara dan ir-restawr tkun l-NGO Friends of Villa Frere.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ma’ Net News fuq l-importanza li pajjiżna jieħu ħsieb dak li jagħmel l-istorja Maltija, u dak li jidentifikana.

Hu anke wiegħed l-appoġġ tal-Partit Nazzjonalista għal proġetti bħal dawn, li jsarrfu f’apprezzament u ż-żamma tal-istorja ta’ pajjiżna.

Il-ġrajja ta’ Villa Frere tmur lura għall-1820, meta l-istudjuż u poeta John Hookham Frere rtira lejn Malta flimkien mal-familja tiegħu.

Il-Villa kienet imdawra b’ġonna estensivi, li saħansitra ttieħdu minnhom sabiex jinbena l-Isptar St Lukes u Karen Grech…bil-ġonna jinkorporaw ukoll il-Gardener’s Cottage, u Villa Hay. Żewġ binjiet li ġew restawrati ftit tas-snin ilu.

Net News tkellem mal-Kuratur ta’ Villa Frere Fernando Mifsud, li fisser kif bħalissa huma 15-il voluntier li qed jirrestawraw dan is-sit, bl-għan prinċipali tar-restawr ikun li l-pubbliku jgawdi l-istorja ta’ dan il-post.