Iżrael u l-grupp terroristiku Palestinjan Ħamas laħqu ftehim għal waqfien mill-ġlied wara xhur ta’ negozjati diffiċli….Ftehim li effettivament jikkonkludi 15-il xahar ta’ gwerra fil-Medda ta’ Gaza li kienet ilha mis-7 ta’ Ottubru tal-2023.
Il-ftehim kapaċi jwassal għal perjodu ta’ stabbilità, f’Gaza u Iżrael, wara xhur konsekuttivi ta’ vjolenza — b’mertu kbir għal dan imur lill-Qatar, li ilu ħafna jservi bħala medjatur ewlieni fit-taħditiet.
L-Istati Uniti wkoll kienet medjatur fil-proċess u l-ftehim intlaħaq proprju ftit tal-jiem qabel il-Presidenza Amerikana tgħaddi minn Joe Biden lil Donald Trump.
L-Iżraeljani, sadanittant, huma ferħanin bil-patt li jippermetti għar-ritorn tal-ostaġġi li ilhom aktar minn sena miżmumin mill-Ħamas…Dan ukoll meta l-mijiet tal-eluf tar-refuġjati Palestinjani f’Gaza se jkunu jistgħu jirritornaw id-dar mingħajr il-biża’ li jispiċċaw fl-eqqel tal-kumbattimenti.
Il-gwerra ta’ Gaza bdiet meta l-Ħamas, fis-7 ta’ Ottubru tal-2023, invada l-artijiet ta’ Iżrael fejn wettaq l-akbar attakki terroristiċi fl-istorja tal-Lvant Nofsani u li fih inqatlu ‘il fuq minn 1,200 — fil-parti kbira ċivili u tfal — u bil-militanti tal-Ħamas jieħdu lura mal-250 ostaġġ lejn Gaza.
L-attakk wassal għal ritaljazzjoni immedjata u ħarxa minn Iżrael li wettaq waħda mill-akbar offensivi militari li qatt seħħew fil-Lvant Nofsani….Offensiva li konċentrat fuq il-bażijiet u n-networks tal-Ħamas taħt l-artijiet ta’ Gaza u meta f’dan il-perjodu nqatlu ‘il fuq minn 46,000 Palestinjan — terroristi kif ukoll ċivili.
Iżrael, issa, għandu jilqa’ lura madwar 100 ostaġġ li suppost se jkunu rilaxxati mill-Ħamas u meta l-uffiċjali f’Tel Aviv jemmnu li numru sinifikattiv minn dawn l-ostaġġi laħqu mietu f’sitwazzjoni ta’ priġunerija.
Min-naħa tiegħu, il-President Amerikan-elett, Donald Trump, qal li l-ftehim għall-ħelsien tal-ostaġġi għandu jserraħ ras ħafna familji Iżraeljani filwaqt li kkummenta li l-ħelsien għandu jsir dalwaqt.
Madankollu, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu , wissa li kien għad hemm diversi ‘klawsoli’ fil-ftehim mal-Ħamas li baqgħu mhux solvuti — għalkemm mhux magħruf x’impatt jistgħu jkollhom għall-ftehim.
//= $special ?>