Internazzjonali

Korea t’Isfel: Jarrestaw lill-President fost ix-xeni drammatiċi f’Seoul… u wara li hu indika li ‘lest biex jikkoopera’

Yoon Suk Yeol sar l-ewwel President Korean fil-kariga li spiċċa arrestat fost mumenti ta’ tensjoni u drama kbira – u wara li l-investigaturi kellhom jiżgiċċaw l-ostakoli biex jaslu għalih u jwettqu l-mandat. Yoon, li għandu 64 sena, qed ikun investigat dwar akkużi biex iqajjem rewwixta fil-pajjiż wara li hu, fit-3 ta’ Diċembru, kien ħareġ direttiva għall-impożizzjoni tal-liġi marzjali fil-pajjiż.

Il-Korea t’Isfel, b’konsegwenza tad-direttiva, kienet għaddiet minn perjodu ta’ kaos u konfużjoni, iżda l-militar kien irrifjuta li jwettaq  id-direttiva fil-prattika. Dan ukoll meta wara sar magħruf li l-President ried iwassal għal din is-sitwazzjoni biex ineħħi l-attenzjoni minn fuq l-aġir tiegħu li ma kienx kompatibbli mar-rwol tal-Presidenza u meta ismu hu wkoll konness ma’ diversi skandli.

Il-Parlament f’Seoul, jiem wara, kien impona l-impeachment ta’ Yoon li anki spiċċa sospiż mill-Assemblea. Madankollu, hu jista’ jitneħħa biss mill-poter f’każ li l-Qorti Kostituzzjonali ta’ dan il-pajjiż jikkonferma l-impeachment.

Madankollu l-arrest drammatiku ta’ Yoon – u fejn l-investigaturi anki kellhom jgħaddu mir-ringieli tal-barbed wire quddiem il-kumpless tal-Presidenza – qed jidher li ġab fi tmiem l-istat ta’ konfrontazzjoni bejn l-investigaturi u l-iskwadri responsabbli mis-sigurtà tal-President.

L-investigaturi mal-Uffiċċju għall-Investigazzjoni ta’ Korruzzjoni relatata mal-Uffiċjali Għoljin tal-pajjiż, fit-3 ta’ Jannar, kienu naqsu milli jarrestaw lil Yoon – u wara li huma kellhom hekk-imsejjaħ ‘standoff’ ta’ sigħat mal-membri tas-sigurtà tal-President.

Intant, l-aħħar tentattiv għall-arrest ta’ Yoon irriżulta f’suċċess, meta grupp kbir ta’ pulizija u investigaturi, fil-lejl tat-Tlieta, waslu fir-residenza tal-President fiċ-ċentru tal-kapitali. Ladarba waslu hemm huma użaw is-slielem biex jitilgħu fuq il-karozzi tal-linja li kienu qed jimblukkaw id-daħla għar-residenza waqt li numru ta’ investigaturi ħadu ħsieb li jaqtgħu il-barbed wire fl-inħawi. L-aħbar dwar l-arrest ta’ Yoon tħabbret ftit tas-sigħat wara l-azzjoni.

Il-President Yoon, qabel l-arrest, kien ħareġ video fejn qal li għandu jikkoopera mal-investigaturi u fejn irrepeta li l-mandat għall-arrest tiegħu ma kienx legalment validu. Hu saħaq li ddeċieda li jikkoopera biex jevita t-tixrid tad-demm bla bżonn fost il-kundanna għal dak li hu fisser bħala ‘l-invażjoni illegali’ tal-proprjetà mill-investigaturi.

Sadanittant – u skont l-aħħar rapporti – l-investigaturi qalu li l-President Yoon kien qed jirrifjuta biex iwieġeb għad-diversi mistoqsijiet li sarulu ladarba l-uffiċjali konkludew il-proċess għall-arrest.