Lokali Qorti

L-Eks Supretendent Ray Aquilina u Yorgen Fenech mixlijin b’korruzzjoni u nutar jitressaq magħhom fuq ħasil ta’ flus

L-Eks Kap tat-Taqsima tal-Pulizija kontra l-Ħasil tal-Flus ġie mixli b’ħasil ta’ flus u korruzzjoni flimkien man-negozjant Yorgen Fenech. Magħhom ġie mixli wkoll nutar fuq ħasil ta’ flus bil-każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello. Huma lkoll tressqu b’ċitazzjoni u mhux b’arrest.

Ray Aquilina ta’ 59 sena (ritratt) kien ġie arrestat għall-ewwel darba f’April 2021 bħala parti minn investigazzjoni usa’ dwar il-pulizija u uffiċjali tal-gvern li potenzjalment ħarġu informazzjoni sensittiva lil suspettati fl-investigazzjoni tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fenech, ta’ 43 sena, minn naħa tiegħu jinsab akkużat b’kompliċità fil-qtil ta’ Caruana Galizia fl-2017 f’karozza bomba barra d-dar tal-ġurnalista. L-Erbgħa l-Eks Supretendent ġie mixli b’korruzzjoni, ħruġ ta’ sigrieti uffiċjali, ħasil ta’ flus u ġurament falz filwaqt li Fenech ġie mixli b’kompliċità fil-korruzzjoni ta’ uffiċjal pubbliku u ħasil ta’ flus.

Huma wieġbu mhux ħatja flimkien man-nutar Mario Bugeja, li fl-istess każ kien mixli b’ħasil ta’ flus. Bħala parti mill-leaks, l-investigaturi kienu ffukaw fuq il-bejgħ ippjanat ta’ appartament f’Birżebbuġa lil Aquilina, li Fenech kien suspettat li kellu x’jaqsam mal-bejgħ.

F’dak l-istadju, Aquilina kellu jkun qed jinvestiga lil Fenech dwar 17 Black, kumpanija sigrieta suspettata li kienet maħsuba biex tgħaddi l-ħlasijiet lill-eks ministru tal-Gvern Laburista Konrad Mizzi u Keith Schembri. Minflok, Aquilina deher bħala x-xerrej tal-proprjetà, it-tranżazzjoni tal-proprjetà kellha titmexxa mill-ġenituri tiegħu, li mbagħad jagħtuh lil binhom.

Dokumenti kienu indikaw li Aquilina kien sostna li ma kienx qed jixtri l-proprjetà direttament hu stess peress li kien għaddej minn proċeduri ta’ separazzjoni ma’ martu, u għalhekk ma riedx li l-proprjetà tifforma parti mill-assi konġunti tagħhom.

Aquilina kien sostna waqt il-proċess tal-bejgħ, li l-akkwist tal-proprjetà kien qed jiġi ffinanzjat permezz tat-tfaddil personali tiegħu. Il-ġurnal Times of Malta kien żvela l-istorja u rrappurta f’Mejju 2021 li uffiċjali mit-Tqsima tal-Pulizija kontra l-Ħasil tal-Flus emmnu li l-appartament ta’ Birżebbuġa li jiswa aktar minn €180,000 kien se jinbiegħ lill-ġenituri ta’ Aquilina għal madwar terz tal-valur tas-suq tiegħu minn Fenech fl-2018.

Sorsi qalu li l-appartament imbagħad kellu jingħata lil Aquilina mill-ġenituri tiegħu f’dak li l-Pulizija ssuspettat li jista’ jkun każ ta’ tixħim u ħasil ta’ flus. Ma kienx ċar jekk il-ftehim tal-proprjetà fil-fatt sarx. L-appartament oriġinarjament kien proprjetà tan-negozjant tal-proprjetà Joe Portelli li ttieħed ukoll għall-interrogazzjoni mill-Pulizija dwar il-kwistjoni.

Ftit wara li rtira mill-Korp tal-Pulizija, Aquilina nħatar bħala maniġer fi ħdan it-taqsima tal-verifika interna u l-governanza tal-Enemalta. Fil-preżent m’għadux jokkupa r-rwol.

L-ewwel xhud kien rappreżentant ta’ Identità li ppreżenta kopja tat-trasferiment ta’ proprjetà bejn il-ġenituri ta’ Aquilina u Fenech. Wara, xehed rappreżentant tal-Arkivji Nutarili, Hubert Theuma.

Theuma qal li r-rekords tat-trasferiment għadhom ma waslux lill-uffiċċju tiegħu minħabba li għadu qed jarahom ir-reviżur iżda wara kkjarifika li dawn ir-rekords ittieħdu b’rabta mal-inkjesta li kienet qed titmexxa mill-Maġistrat Doreen Clarke. Hu stqarr li qatt ma ra dawn ir-rekords u b’hekk ma jistax jikkummenta dwarhom.

Warajhom, xehed rappreżentant tal-Amministrazzjoni tat-Taxxa u d-Dwana ta’ Malta li ppreżenta l-konvenji marbutin mar-residenza f’Birżebbuġa inkwistjoni. L-ewwel konvenju huwa bejn l-iżviluppatur Joseph Portelli u missier Aquilina li nkiteb fit-18 ta’ Ġunju 2019 filwaqt li t-tieni wieħed huwa bejn Portelli u missier Aquilina wkoll li nkiteb f’Marzu tal-istess sena.

It-tieni konvenju jorbot max-xiri tal-arja fuq ir-residenza għal €60,000 u l-ewwel wieħed huwa għal €17,500 għax-xiri ta’ garaxx fl-istess triq. Id-difiża qalet li l-każ ma jdurx mal-appartament innifsu iżda mal-arja li nbiegħet biex eventwalment inbena l-appartament. Hi sostniet li “huwa inġust” li tinħareġ ordni ta’ iffriżar fuq appartament meta l-każ ma jdurx miegħu.

Il-Prosekuzzjoni rribattiet li dan xorta jikkostitwixxi rikavat ta’ kriminalità. Il-Qorti qalet li l-kunċett ta’ rikavat huwa wiesa’ ħafna u li l-liġi attwali ftit li xejn tagħtiha diskrezzjoni biex ma tilqax talba għal ordni ta’ iffriżar. Għaldaqstant, hi laqgħet it-talba tal-Prosekuzzjoni u ħarġet ordni ta’ sekwestru fuq l-appartament inkwistjoni.

L-Ispettur Sean Friggieri mexxa l-prosekuzzjoni mal-avukati Andrea Zammit u Gary Cauchi mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Charles Mercieca deher għal Fenech; Franco Debono u Andreana Zammit dehru għal Bugeja; u Lennox Vella deher għal Aquilina.