Lokali

L-Ewropa għandha żżomm mal-Maltin ta’ rieda tajba hekk kif il-Labour qed jimmina d-demokrazija – Peter Agius

Il-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista Peter Agius indirizza l-laqgħa tal-grupp tal-Partit Popolari Ewropew matul il-jum tal-Erbgħa u insista li l-Ewropa għandha tgħaddi mill-paroli għall-fatti f’dak li għandu x’jaqsam ir-rule of law.

Dan hekk kif il-Gvern Malti jrid iwaqqaf iċ-ċittadini normali u jimpendilhom mili jitolbu l-ftuħ ta’ inkjesta maġisterjali, dan kompla Agius, sabiex jipproteġi lil politiċi korrotti.

Huwa saħaq li grazzi għall-kuraġġ li wrew Simon Busuttil u David Casa, illum hemm investigazzjoni kriminali wara dawk il-persuni wara l-kumpaniji 17 Black u Electrogas. Dan jibgħat messaġġ ta’ tama għal kull persuna ta’ rieda tajba, iżda mhux għal Robert Abela.

Agius spjega li l-Gvern Laburista jrid jaqta’ qalb il-ġustizzja u jwaqqaf milli jinfetħu inkjesti maġisterjali – l-unika għodda li għandu l-poplu sabiex jara li l-ġustizzja titwettaq quddiem l-abbuż ta’ poter.

Peter Agius sostna li l-Partit Nazzjonalista qed jissielet biex jiddefendi d-drittijiet mhux biss tal-Maltin iżda anke tal-Ewropej, sabiex verament jgħixu u jgawdu l-valuri tad-demokrazija.

L-MEP Nazzjonalista insista li l-EPP se jkun għal darb’oħra wara Malta u l-Maltin hekk kif jemmen bi sħiħ li l-ebda politiku korrott m’għandu jkollu libertà li jagħmel li jrid u li jaqbillu bit-taxxi tal-poplu.