Lokali Qorti

Protezzjonijiet għall-uffiċjali pubbliċi korrotti huma l-aħħar musmar fit-tebut tal-ġustizzja – David Casa

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew David Casa kkundanna l-isforzi mill-gvern ta’ Robert Abela biex jipprovdi protezzjoni għall-uffiċjali pubbliċi korrotti u jillimita l-aċċess taċ-ċittadini privati għall-inkjesti maġisterjali.

“Kieku ma kienx għall-inkjesti maġisterjali skattati minn ċittadini privati quddiem istituzzjonijiet pubbliċi u Korp tal-Pulizija maħtufin, il-progress biex jitwaqqaf is-serq tal-poplu Malti sal-lum kien ikun negliġibbli.

“Prosekuzzjonijiet dwar il-ftehim korrott tal-bejgħ tal-isptarijiet u issa mill-konklużjonijiet tal-inkjesta 17 Black b’rabta mal-ftehim korrott tal-power station qed isiru biss għax meta l-Pulizija rrifjutat li tinvestiga, sar rikors permezz ta’ mekkaniżmu legali li ta bidu għall-inkjesta maġisterjali – hija miżura tal-aħħar rikors li tista’ tintuża biex jiġu evitati l-istituzzjonijiet maqbuda. Il-gvern Malti issa jrid jillimita dan ukoll.

“Din tkun konsolidazzjoni tal-kollass tas-saltna tad-dritt f’Malta u l-aħħar musmar fit-tebut tal-ġustizzja,” sostna David Casa.

David Casa u Simon Busuttil flimkien mal-avukat tagħhom Jason Azzopardi u li mbagħad magħhom ingħaqdet l-NGO Repubblika – huma responsabbli għall-inkjesta maġisterjali li skont il-ġurnali se twassal għal akkużi kriminali kontra l-allegat moħħ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech kif ukoll is-soltu suspettati Konrad Mizzi u Keith Schembri.

“Kieku ma kienx għall-inkjesta maġisterjali, il-poplu Malti ma jkollu l-ebda tama li qatt jikseb ġustizzja għal wara li ġie tradut u misruq.”