Tulip Siddiq irriżenjat mill-Gvern Laburista fost il-pressjoni relatata ma’ investigazzjoni kontra l-korruzzjoni f’Bangladesh.
Siddiq, bħala l-Ministru tat-Teżor, ippreżentat ruħha lil Sir Laurie Magnus, il-konsulent tal-Prim Ministru dwar l-imġiba tal-Uffiċjali Pubbliċi, wara li qamu d-domandi dwar ir-rabtiet tagħha ma’ zijitha, l-Eks Prim Ministru ta’ Bangladesh, Sheikh Hasina, li kellha taħrab lejn l-eżilju wara li tqaċċtet mill-poter is-sena l-oħra.
Sir Laurie Magnus qal li ma identifika l-ebda provi dwar ‘imġiba skorretta’ fir-rigward tal-Ministru, iżda fl-istess ħin esprima dispjaċir li Siddiq ma kenitx aktar attenta dwar ‘is-sogru li r-reputazzjoni tagħha kellha tispiċċa mtappna minħabba r-rabtiet tagħha ma’ Sheikh Hasina’.
Dan sar aktar evidenti peress li Siddiq, bħala s-Segretarju għall-Ekonomija bir-responsabbiltà għat-Teżor, kellha wkoll id-dmir li tikkonfronta l-każi ta’ korruzzjoni.
Min-naħa tagħha, Siddiq qalet li kellha tirriżenja għaliex li kieku kompliet bħala Ministru kienet ‘ittellef l-attenzjoni tal-Gvern’ minn fuq l-affarijiet ta’ interess partikulari fuq bażi nazzjonali. Fl-istess ħin, hi insistiet li ma għamlet xejn ħażin.
Madankollu, il-gazzetta Financial Times irrappurtat li Siddiq, ftit ilu, kienet ingħatat xi proprjetà – f’dan il-każ appartament f’King’s Cross (Londra) – minn persuna bil-konnessjonijiet mal-Eks Amministrazzjoni ta’ Bangladesh.
Fil-fatt, u qabel ħabbret ir-riżenja, Tulip Siddiq issemmiet ukoll b’konnessjoni mat-tieni investigazzjoni li għaddejja bħalissa f’Bangladesh.
Il-Kap tal-Konservattivi fl-Oppożizzjoni, Kemi Badenoch, sadanittant, ikkritikat lill-Prim Ministru Britanniku Keir Starmer talli hu ‘tnikker u prova jilgħab għaż-żmien’ biex jipproteġi lill-Eks Ministru Siddiq.
Badenoch qalet li l-Gvern Laburista qed jipprova jaħbi kultura ta’ korruzjoni suttili u mhix daqstant suttili u meta kien qed jidher mill-bidu nett li Tulip Siddiq ma setgħetx tkompli fil-kariga ta’ Ministru.
Għaldaqstant, hi sostniet li l-Prim Ministru Britanniku wera ruħu indeċiż fiċ-ċirkustanzi u meta x’aktarx li hu ried jipproteġi lil Siddiq bħala ‘ħabiba’.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni kkonkludiet li filwaqt li l-awtoritajiet f’Bangladesh qed iressqu każ kriminali kontra Tulip Siddiq, il-Prim Ministru Starmer, anki issa, qed jesprimi sens ta’ niket għar-riżenja tagħha li kienet inevitabbli. Sitwazzjoni li fi kliem Badenoch ‘hi eżempju ta’ tmexxija dgħajfa minn Prim Ministru dgħajjef’.
//= $special ?>