Lokali Parlament

Robert Abela għadu ma ppreżentax id-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu

Il-Partit Nazzjonalista jistenna li Robert Abela jippubblika minnufih id-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu u tal-Ministri u tas-Segretarji Parlamentari tiegħu għas-sena 2023. Huwa skandaluż li wara aktar minn sena, Robert Abela għadu s’issa ma ppreżentax fil-Parlament id-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu u tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari tiegħu kif inhu obbligu tiegħu li jagħmel.

Robert Abela qed ikompli bil-ħabi u bl-impunità billi qed iżomm sigrieta informazzjoni li għandha sservi biex hu u l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari tiegħu jinżammu taħt skrutinju pubbliku u kontabbli għall-aġir tagħhom. Din l-informazzjoni hija essenzjali biex jinkixef l-abbuż ta’ poter u ġid li ma jistax jiġi spjegat u hija għodda kontra t-tixħim u forom oħra ta’ korruzzjoni, in-nepotiżmu, il-kunflitti ta’ interess u l-ksib ta’ xi vantaġġ mhux dovut.

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jippubblika d-dati ta’ meta d-dikjarazzjonijiet tal-assi ġew ippreżentati fil-Parlament mis-sena 2013 ’il quddiem:

Għas-sena 2013 ġew ippreżentati fis-7 ta’ Lulju 2014;

Għas-sena 2014 ġew ippreżentati fl-24 ta’ Ġunju 2015;

Għas-sena 2015 ġew ippreżentati fis-27 ta’ April 2016;

Għas-sena 2016 ma jirriżultax li ġew ippreżentati;

Għas-sena 2017 ġew ippreżentati fl-1 ta’ Ottubru 2018;

Għas-sena 2018 ġew ippreżentati fid-19 ta’ Ġunju 2019;

Għas-sena 2019 ġew ippreżentati fit-12 ta’ Ottubru 2020;

Għas-sena 2020 ġew ippreżentati fis-16 ta’ Ġunju 2021;

Għas-sena 2021 ġew ippreżentati fl-24 ta’ Ottubru 2022;

Għas-sena 2022 ġew ippreżentati fl-24 ta’ April 2023;

u għas-sena 2023 ma jirriżultax li ġew ippreżentati.

Għalhekk il-PN jisħaq li Robert Abela għandu jippubblika minnufih id-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu u tal-Ministri u tas-Segretarji Parlamentari tiegħu għas-sena 2023.