Żagħżugħ ta’ 25 sena residenti Bormla kien ikkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ammetta li kkaġuna ġrieħi gravi lill-eks sieħba u omm uliedu. Dan minkejja li l-vittma qalet lill-Qorti li riedet twaqqaf il-każ kontrih.
Il-każ seħħ fis-17 u fid-19 ta’ Mejju 2023 f’Birkirkara, biż-żagħżugħ jinstab ħati wkoll li beżża’ lill-eks sieħba li se tintuża vjolenza kontriha u li kiser sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati. Il-Maġistrat Abigail Critien rrimarkat li għalkemm il-Qorti ma kinitx marbuta bid-dikjarazzjoni tal-eks sieħba li ma xtaqitx tipproċedi kontra l-akkużat, riedet tqis ukoll l-aspett soċjali tal-każ fosthom li t-tnejn li huma ġenituri ta’ minuri.
Fuq ammissjoni, il-Qorti sabitu ħati u minbarra li kkundannatu sentenza ta’ ħabs sospiża, poġġietu taħt ordni ta’ superviżjoni għal erba’ snin imma, fuq talba tal-eks sieħba, ma ħarġitx ordni ta’ trażżin fil-konfront tiegħu.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukat Valentina Cassar mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispettur Christian Cauchi.
//= $special ?>