Sid ta’ bar ġiet mmultata talli naqset li toħroġ irċevuta tal-VAT fuq bejgħ ta’ €2 f’Diċembru 2019. Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace semgħet lill-Ispetturi tad-Dipartiment tal-VAT jispjegaw kif raw lill-akkużata, Lindsey Jane Nickless, tbigħ drink fil-bar tagħha f’Marascala u ma toħroġx irċevuta.
Hija għamlet dan biss ladarba identifikaw lilhom infushom u ġibdulha l-attenzjoni. Nickless qalet li ma ħarġetx irċevuta għax il-bar kien qed jagħmel attività privata biex jinġabru fondi għal ħabiba Ingliża li żewġha kien miet ta’ malajr u lanqas biss kellha biżżejjed flus għall-funeral.
“Għamilna ġbir ta’ fondi u għidna dak kollu li nagħmlu dak il-lejl se jmur għall-funeral,” qalet lill-“Qorti f’seduta preċedenti. Hija ammettiet li ma kellhiex permess biex torganizza attività ta’ ġbir ta’ fondi. Ir-raġel ta’ sid il-bar qal li fuq il-bieb barra u ġewwa kien hemm sinjal li jgħid li kien party privat biex jipprova jiġbor il-flus għall-funeral.
Ma nġabret l-ebda VAT għax id-dħul kollu kellu jmur biex jitħallas id-difna. Mart il-mejjet ukoll tat xhieda, li kkonfermat li kienet irċeviet flus għad-difna fil-baħar. Il-Qorti osservat li minkejja li l-attività kienet deskritta bħala avveniment privat bejn il-ħbieb, l-Ispetturi tal-VAT daħlu fl-istabbiliment liberament u raw il-bejgħ tax-xarba.
Kuntrarjament għal dak li ġie sottomess, kienet id-difiża li kellha tagħti prova li bar li kien miftuħ għall-pubbliku ġenerali kien fil-fatt magħluq bħala avveniment privat. L-akkużat u żewġha fix-xhieda tagħhom it-tnejn ikkonfermaw li ma talbux permess biex isir il-ġbir ta’ fondi.
Il-liġi stipulat il-kriterji biex organizzazzjoni tkun eżentata mid-dmirijiet fiskali tagħha. Iżda bl-ammissjoni tagħha stess, l-akkużata kkonfermat li ma kkonformatx ma’ dawk ir-rekwiżiti, qalet il-Qorti. Għalhekk il-Qorti sabet li r-reat ġie ppruvat mill-prosekuzzjoni. Il-Qorti qalet li qed tikkunsidra l-avvenimenti u li l-armla kkonfermat li rċeviet donazzjoni. Il-mara ġiet kkundannata għal multa ta’ €700.
//= $special ?>