L-avukat Jason Azzopardi ressaq it-tielet talba għal inkjesta maġisterjali dwar il-Ministru ta’ Għawdex Clint Camilleri, din id-darba dwar pixxina u ċentru akkwatiku ta’ daqs Olimpiku li qabeż €8 miljuni fuq il-baġit. Fir-rikors tiegħu fil-Qorti, Azzopardi qal li diversi ftehim madwar il-proġett jimitaw tattiċi użati mill-mafja Taljana biex jiġu misapproprjati fondi pubbliċi.
Waqt li kkwota artikli tal-aħbarijiet minn Times of Malta, The Shift u Malta Today, l-avukat Azzopardi qal li hemm suspett raġonevoli ta’ ġestjoni ħażina intenzjonata biex fondi pubbliċi jiġu trasferiti f’idejn privati. Ii rrimarka wkoll li l-ispejjeż tal-kostruzzjoni tal-proġett, li kellhom jiswew €9 miljun, telgħu għal aktar minn €17-il miljun.
“X’interess u motivazzjoni kellhom, u għad għandhom, l-individwi msemmija biex isibu modi kif jirduppjaw in-nefqa ta’ fondi pubbliċi għal proġett bħal dan bla ebda raġuni, jekk mhux għax għandhom interess privat f’materji fdati lilhom minħabba l-uffiċċju tagħhom,” qal Azzopardi.
Jirrimarka wkoll l-użu ta’ konkos li ġej minn impjant illegali għall-proġett u jargumenta li l-fondi pubbliċi kienu xjentement diretti lejn sors illegali. Ir-rikors tal-Qorti ta’ 82 paġna jitlob li maġistrat jinvestiga wkoll lis-Segretarju Permanenti ta’ Għawdex John Borg.
L-Avukat Azzopardi talab maġistrat biex ifittex provi li għandhom x’jaqsmu ma’ assoċjazzjoni kriminali biex jitwettaq reat, korruzzjoni, abbuż ta’ kariga pubblika, serq, misapproprjazzjoni, frodi u ħasil ta’ flus. Din l-applikazzjoni hija t-tielet talba ta’ Azzopardi għal investigazzjoni dwar Camilleri.
Preċedentement talab li Camilleri jiġi investigat fuq triq f’Għawdex fin-Nadur li qabżet il-baġit b’€10 miljun u talab maġistrat jinvestiga lil Camilleri, martu u oħrajn b’rabta ma’ talbiet dwar korruzzjoni fi Transport Malta f’Għawdex.
Azzopardi talab ukoll li ssir inkjesta dwar il-“ġid mhux spjegat” tal-Ministru tal-Ekonomija Silvio Schembri. Iċ-ċittadini privati jistgħu jitolbu direttament maġistrat biex jinvestiga allegat att kriminali. Qorti mbagħad tiddeċiedi jekk taċċettax jew le dik it-talba u tibda investigazzjoni.
L-Avukat uża dik is-sistema b’effett sinifikanti fil-passat, b’inkjesta maġisterjali dwar l-iskandlu tal-isptarijiet Vitals u Steward li nfetħet minn talba li ressaq flimkien mal-NGO Repubblika. Il-Prim Ministru Robert Abela wiegħed riforma, bl-iskuża li nies bħal Azzopardi qed jabbużaw mis-sistema biex in-nies jgħaddu mill-“kalvarju” tal-proċeduri fil-Qorti anke jekk huma ċarament innoċenti.
Xi ħaġa li mhix minnha għaliex jekk il-Maġistrat jara jew tara li t-talbiet li saru għal inkjesta maġisterjali jkunu bla biża’, ma tilqax it-talba u l-każ lanqas biss jiġi investigat. Il-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard ressaq mozzjoni fil-Parlament biex jiġi emendat il-Kodiċi Kriminali u jiġi riformat il-mod kif in-nies jistgħu jitolbu inkjesta maġisterjali. F’kelma waħda ċ-ċittadin mhux se jkollu aktar saħħa biex iressaq talbiet biex jittieħdu passi kontra min żbalja.