Futbol Sport

Żewġ akkwisti għal Juventus fl-istess ġurnata

Juventus kisbu s-servizzi ta’ żewġ plejers li jafu jkunu importanti għall-istaġun tal-Bianconeri, li s’issa kien pjuttost diżappuntanti. Fl-ewwel sena ta’ Motta fit-tmexxija ta’ Juventus, il-Bianconeri akkumulaw 13-il draw wara 20 partita fis-Serie A, fejn rebħu biss 7. Apparti minnhekk Juventus tilfu fis-semifinali tas-Super Coppa, u jinsabu fl-14-il post tal-UEFA Champions League, jiġifieri barra mill-ewwel 8 li jgħaddu għar-rawnd li jmiss.

Dan minkejja li Juventus għamlu ħafna xogħol fis-suq tat-trasferimenti tas-sajf, fosthom kisbu lil Koopmeiners, Thuram, Kalulu, Cabal, Conceicao, Gonzalez u Di Gregorio, fost oħrajn.

Illum Juventus ħabbru uffiċjalment żewġ akkwisti importani, bl-ewwel wieħed ikun Alberto Costa mingħand Vitoria Guimaraes għas-somma globali €13-il miljun imħallsa fuq 4 snin.

Skont bosta rapporti, id-difensur laterali tal-lemin irrifjuta offerti mingħand Brighton u klabbs oħra mill-Premier League biex ingħaqad mal-Vecchia Signora.

Apparti Costa, Juventus anke akkwistaw l-attakkant Franċiż Kolo Muani b’self sal-aħħar tal-istaġun. Il-Franċiż jingħaqad ma’ Juventus sa Ġunju li ġej, mingħajr ebda obbligu jew għażla li jinxtara. Randal Kolo Muani din is-sena ma’ PSG lagħab 10 partiti, fejn skorja żewġ gowls u pprovda assist wieħed f’Ligue 1.