Lokali

Aktar proġetti biex jitjieb is-servizz offrut mill-MIA

Is-sena 2024 kienet waħda rekord għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, fejn kważi 9 miljun passiġġier għaddew mill-faċilitajiet tiegħu – żieda ta’ aktar minn miljun passiġġiet meta mqabbel mas-sena 2023.

Skont il-Kap Eżekuttiv tal-MIA, Alan Borg, it-traffiku tal-passiġġieri matul din is-sena mhux biss irkupra għal-livelli ta’ qabel il-pandemija iżda anke kiber b’mod sinifikanti.

Dan kien evidenti partikolarment fix-xhur tas-sajf, b’Lulju u Awwissu jaraw aktar minn 900,000 passiġġier jgħaddu mill-ajruport. U huwa għal din ir-raġuni li l-MIA qed ikompli jinvesti u jkabbar – tant li diġa’ qed naraw faċilitajiet li komplew isaħħu l-pedament li kien inbena fis-snin digħin minn Gvern Nazzjonalista.

Ic-cifri għall-2024 juru li l-Italja kompliet tiddomina bħala s-suq ewlieni, segwita mir-Renju Unit, il-Ġermanja, Franza u l-Polonja.

Fost l-aktar destinazzjonijiet popolari għal individwi li telqu minn Malta … kien hemm Gatwick, Fiumicino, Katanja, Manchester, u Munich.

Rigward il-linji tal-ajru, Ryanair żammet il-pożizzjoni dominanti tagħha, b’50% tal-passiġġieri jagħżluha biex jivvjaġġaw, filwaqt li 21% għamlu użu mill-KM Malta Airlines.

Rigward proġetti ġodda għall-2025, waħda mill-aktar inizjattivi mistennijin hija l-ftuħ taż-żona il-ġdida tal-VIP. Dan il-proġett mistenni jkun lest fit-tieni kwart tas-sena.

Il-Kap Eżekuttiv tal-MIA tenna li minkejja s-suċċess li nkiseb, it-tama tibqa’ li s-sena 2025 tkun waħda ta’ tkabbir kontinwu, b’mira li jintlaħaq numru simili ta’ passiġġieri kif irreġistrat fl-2024.