Lokali

Bernard Grech jattendi l-Laqgħa tal-Mexxejja tal-PPE f’Berlin

Matul il-laqgħa ta’ ħidma, il-Mexxejja tal-PPE qed jiddiskutu kwistjonijiet komuni bħas-saltna tad-dritt, il-kriminalità organizzata, il-migrazzjoni u l-Patt Mediterranju

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qed jieħu sehem f’laqgħa ta’ ħidma flimkien ma’ Prim Ministri u mexxejja oħra tal-Partit Popolari Ewropew (EPP). L-avveniment qed isir f’Berlin, qabel l-elezzjonijiet Ġermaniżi mmexxija minn kanċillier Soċjalist li ammetta n-nuqqas ta’ appoġġ għall-proġett tiegħu.

Bernard Grech se jiddiskuti ma’ sħabu Ewropej diversi kwistjonijiet komuni, bħas-saltna tad-dritt, il-ħtieġa li tinbeda azzjoni Ewropea kontra l-kriminalità organizzata, il-migrazzjoni, u l-Patt Mediterranju.

Huwa se jenfasizza wkoll l-importanza li tiġi mħarsa s-saltna tad-dritt f’Malta, b’reazzjoni għat-tħassib persistenti dwar il-governanza, l-integrità tal-istituzzjonijiet, u t-trasparenza taħt l-amministrazzjoni attwali.

Matul din il-laqgħa, il-mexxejja tal-PPE se jindirizzaw b’mod kollettiv l-isfidi urġenti li qed jiffaċċjaw l-Istati Membri tal-UE. Huma se jeżaminaw is-sitwazzjoni politika fl-Unjoni Ewropea, jindirizzaw il-kuntest internazzjonali, u jiffukaw fuq prijoritajiet ekonomiċi bil-għan li jtejbu l-kompetittività u jipprovdu soluzzjonijiet prattiċi għaċ-ċittadini. Suġġetti oħra importanti fuq l-aġenda jinkludu t-tnaqqis fil-burokrazija żejda, flimkien mal-ħtieġa ta’ sostenn għall-bdiewa u s-sajjieda tagħna.

Barra minn hekk, il-laqgħat ta’ ħidma matul l-EPP Leader’s Retreat se jipprovdu opportunità biex jiġi diskuss il-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew li se jsir f’April li ġej, f’Valencia.

F’din il-laqgħa f’Berlin, Bernard Grech huwa akkumpanjat mis-Segretarju Internazzjonali tal-PN Beppe Galea, u llum se jkollhom laqgħat oħra ta’ livell għoli biex jiddiskutu l-isforzi kontinwi tal-Partit Nazzjonalista biex jippromwovi governanza tajba, politika sostenibbli, u l-protezzjoni tal-interessi taċ-ċittadini kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll Ewropew.

Se jiġu diskussi wkoll l-isfidi li jiffaċċjaw il-gżejjer-reġjuni – suġġett li huwa importanti għal Malta, fid-dawl tad-dibattitu li għaddej dwar l-istatus ta’ Għawdex bħala reġjun awtonomu.