Il-Qorti tal-Appell laqgħet parti minn numru ta’ talbiet li saru minn eks kuntistabbli tal-Pulizija u ordnat biex kuntistabbli ieħor iħallsu f’danni s-somma ta’ €16,657.55ċ u dan wara sparatura li kienet seħħet b’mod aċċidentali. Il-vittma kien sofra minn diżabbilità permanenti li skont il-Qorti tal-Appell kienet aktar severa minn dik li rriżultalha l-Ewwel Qorti.
Peter Paul Sammut kien ingħata f’danni mill-Ewwel Qorti s-somma ta’ €10,119.30ċ, bil-Qorti tal-Appell tvarja s-sentenza appellata b’aktar minn €6,000. Il-kuntistabbli Shawn Axiaq kien aċċidentalment spara lil kollega tiegħu waqt sessjoni ta’ taħriġ mhux awtorizzata fil-kumpless White Rocks, f’Pembroke. Axiaq kien tressaq il-Qorti dwar dan il-każ u mmultatu €4,000.
Sammut kien fetaħ kawża għad-danni b’rabta ma’ dan il-każ. Shawn Axiaq ta’ 37 sena minn San Ġwann, kien jagħmel parti minn grupp ta’ sitt persuni ta’ eks uffiċjali tal-iskwadra mobbli li marru fil-kumpless White Rocks, f’Pembroke għall-ħabta tat-3am tal-1 ta’ Mejju, 2009, biex jipprattikaw kif jikkonfrontaw ħallelin ġewwa bini.
Xi wħud minnhom kellhom jistaħbew u l-oħrajn ifittxuhom, u jgħajtu ‘boom’ meta jsibu lil xi wieħed mill-‘ħallelin’. Għalkemm Axiaq, kien ingħata ordni mis-superjur tiegħu, li dak iż-żmien kien surġent, biex jiskonnettja l-pistola tas-servizz, Axiaq reġa’ ċċarġjaha meta ħaseb li l-eżerċizzju kien spiċċa u aċċidentalment spara fuq kollega meta reġa’ beda t-taħriġ.
Peter Sammut, li llum għandu 57 sena, intlaqat fin-naħa tax-xellug ta’ sidru, il-balal għaddew minn ġo fih, u qrib ħafna ta’ arterja prinċipali, kien irriżulta fil-Qorti. Is-superjur tiegħu kien bagħat SMS lill-kollegi tiegħu fejn talabhom jiltaqgħu fil-White Rocks għas-sessjoni ta’ taħriġ. Hu ma kienx talab approvazzjoni uffiċjali qabel ma għamel dan.
Qabel ma beda l-eżerċizzju, huwa kien ordna lill-uffiċjali biex ma jikkarġawx l-armi tagħhom fl-ebda punt, saħansitra qalilhom biex ineħħu l-magażin tal-arma u biex ma jiġbdux il-grillu għal ebda raġuni. Axiaq kien qal fil-Qorti li meta nnota lil kulħadd ħiereġ mill-kumpless, ħaseb li l-eżerċizzju kien spiċċa.
Għalhekk reġa’ kkarga l-pistola u waqt li kien qed jitlaq mill-post, kollega ssuġġerixxa li juri lill-oħrajjn kif isir għax kienu diġà għaddew minn tali taħriġ. Qal li reġa’ daħal fil-bini u, kif dar, Sammut rah u qal “boom”. Dan, qal Axiaq, ħadu b’sorpriża u ħass biża’, istantanjament ġibed il-grillu u laqat lill-kollega tiegħu f’sidru.
Ladarba nduna x’ġara, qal li ħa xokk u “ntilef minn sensih”. L-arma kienet Glock 17 ta’ disa’ millimetri, waħda mill-aktar użati fl-aġenziji tal-infurzar tal-liġi madwar id-dinja minħabba li hija affidabbli, faċli biex timmaniġġjaha u tieħu aktar balal mill-biċċa l-kbira tal-pistoli l-oħra.
Irriżulta li Axiaq kien ikkarga l-pistola, u poġġa subgħajh fuq il-grillu, li kollha kienu nuqqasijiet serji meta wieħed iqis li l-arma kienet qed tintuża minn uffiċjal tal-pulizija, li kellu jkun jaf aħjar. Il-Qorti kienet qalet li Axiaq li kien mgħallem u mħarreġ kif jimmaniġġja arma tan-nar, ma kienx kapaċi jsegwi l-istruzzjonijiet mogħtija. Madankollu, ma kellu l-ebda intenzjoni li jagħmel ħsara lill-kollega tiegħu.
Il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Christian Falzon Scerri u Josette Demicoli, fid-deċiżjoni tagħha li żżid id-danni qalet li ma jirriżultax kontestat li l-vittma safa’ b’diżabbiltà dejjiema kaġun tal-inċident. L-appellant ma kienx kuntent bil-persentaġġ ta’ 5% li ħaddmet l-Ewwel Qorti.
Kif jirriżulta mill-provi, l-Ewwel Qorti ħatret bħala espert mediku lil Charles Grixti u proprju mir-rapport tiegħu jikkonkludi li d-diżabbiltà kaġun tal-inċident hija ta’ 5%. Min-naħa l-oħra, l-appellant ressaq rapport wara li l-espert mediku ppreżenta r-rapport tiegħu u dan mingħajr ebda oġġezzjoni mill-partijiet l-oħra fil-kawża.
Mr Manché ppreżenta r-rapport tiegħu personali fis-6 ta’ Marzu, 2013, fejn jirriżulta li l-vittma kien mar fid-dipartiment tal-outpatients fit-28 ta’ Lulju, 2010, fejn ilmenta minn qtugħ ta’ nifs u baqa’ jilmenta minn uġigħ fl-ispalla, li Mr Grixti kien ikkonkluda li l-uġigħ mhux kawża tal-inċident.
Mr Manché qal li dakinhar ġew ordnati testijiet tal-funzjoni tal-pulmun u dawn urew: kapaċità vitali sfurzata mnaqqsa b’89% ta’ mbassra għal piż u età tiegħu. Id-diżabbiltà tiegħu dak iż-żmien kienet imkejla għal 11%. Ma kien hemm ebda titjib wara bronkodilataturi li jissuġġerixxu li dan ma kienx a
sitwazzjoni riversibbli.
Illi minn dan il-kwadru, din il-Qorti tal-Appell qalet li titlaq billi tgħid li hija taqbel fil-prinċipju mal-Ewwel Qorti li meta parti ma tagħmilx użu mill-għodda mogħtija mil-liġi, f’dan il-każ għall-ħatra ta’ periti perizjuri u l-Qorti ma jkollhiex raġuni valida biex twarrab il-konklużjonijiet tal-espert maħtur minnha, għandha tistrieħ fuq il-konklużjoni tal-espert maħtur minnha.
Minkejja dan, tqis li dan il-każ jistħoqqlu konsiderazzjoni mod ieħor biex verament issir ġustizzja. Ir-raġuni hija li hekk kif irriżulta mir-rapport u xhieda ta’ Mr Manché wara li l-appellant ġie eżaminat minn Mr Grixti, huwa ċar mit-testijiet li sarulu li l-funzjoni tal-pulmun milqut naqset ħafna u s-saħħa tal-vittma marret
għall-agħar.
Il-Qorti tal-Appell qalet li ma tistax tagħlaq għajnejha għal dan. Irriżulta li l-funzjoni tal-pulmun naqset u li l-14% diżabbiltà tirreferi biss għall-funzjoni tal-pulmun. Kemm hu hekk, Mr Manché xehed: “Jien m’għedtx li d-diżabillità overall kienet ta’ 14%. Għidt li hemm frizzjoni fil-kapaċità tan-nifs tiegħu.
“F’okkażjoni waħda kien imkejjel fi 11%. Dan huwa fil-funzjoni respiratorja tiegħu u f’okkażjoni oħra huwa 14%. Għaldaqstant dan il-persentaġġ ta’ 14% mhux id-diżabbiltà ħolistika li ġarrab l-appellant. Biss, però, ma ntalabx min-naħa tal-appellant sabiex l-Ewwel Qorti testendi l-ħatra ta’ Mr Grixti sabiex jieħu kont ta’ dawn it-testijiet li sarulu u jekk, ikun il-każ, iżid ir-rata ta’ persentaġġ.
Madankollu, il-Qorti tal-Appell qalet li tqis li meqjus il-fatt li l-pulmun huwa organu ta’ importanza vitali għall-bniedem u meqjus dak kollu li rriżulta, huwa opportun li r-rata ta’ diżabbiltà tiżdied għal 8%. Il-Qorti qalet li għandha tfittex li tirreintegra kemm jista’ jkun lil dak li jkun ġarrab ħsara, u li terġa’ tqiegħed lil tali persuna fl-istat li kienet qabel l-inċident.
L-Imħallfin qalu wkoll li m’għandux jittieħed biss il-‘maximum working life expectancy’ tad-danneġġat. Il-kunċett ta’ ‘chances and changes of life’, ġie introdott biex proprju jiġġustifika temperament fil-komputazzjoni tad-danni fuq il-bażi tal-prinċipju li ħadd ma jaf il-futur u għalkemm persuna
tista’ tgħix sa età avvanzata, il-ħajja tgħallimna mod ieħor.
Kunsiderazzjoni oħra mill-Qorti tal-Appell kienet dwar il-paga tiegħu li ġiet ikkunsidrata mill-Ewwel Qorti. Jirriżulta li ħadd ma joġġezzjona għas-salarju bażi msemmi mill-Ewwel Qorti li kien fl-ammont ta’ €18,369.40 konsistenti f’paga u allowances li l-attur kellu bħala dħul gross fis-sena 2009, li kienet is-sena tal-inċident.
Meta seħħ l-inċident, il-konvenut kellu 21 sena servizz u kif qalet tajjeb l-Ewwel Qorti kien baqagħlu biss erba’ snin fis-servizz. L-appellant jippretendi li l-Ewwel Qorti u l-Qorti tal-Appell għandhom jieħdu
inkonsiderazzjoni l-ftehim kollettiv li daħal fis-seħħ f’Jannar 2018.
Għaldaqstant il-Qorti tal-Appell qalet li tqis li filwaqt li bilfors se jkun hemm tibdil fis-somma likwidata minħabba ż-żieda fir-rata ta’ diżabbiltà, mill-bqija l-Qorti mxiet fuq il-kalkoli mwettqa mill-Ewwel Qorti.