Lokali Parlament

Flimkien naslu… pajjiż ikun b’saħħtu jekk ikollu demokrazija ħajja u attiva

Albert Buttigieg, PN

Id-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg qal fl-Aġġornament tal-Parlament li pajjiż jista’ jkun pajjiż b’saħħtu jekk għandu demokrazija ħajja u attiva għax hiija d-demokrazija li tiggarantixxi kwalità ta’ ħajja liċ-ċittadini.

Mingħajr demokrazija hemm biss ħakma tal-ftit fuq il-ħafna. L-istorja tagħtina diversi kapitli x’jiġri meta d-demokrazija titnaqqar taħt skuza jew oħra.

Imma biex id-demokrazija tibqa’ ħajja u b’saħħitha għandha bżonn li kull ċittadin ikun ċittadin attiv u mhux ikun ċittadin passiv. Ċittadin attiv huwa dak li jieħu interess u jsegwi dak li qed jiġri fil-pajjiż, li ma jħallix min jagħmel b’żieq fuq imnieħru u għalih, il-ġid komun jiġi l-ewwel u li jsemma’ leħnu b’mod l-aktar qawwi meta u fejn hemm il-ħtieġa. Min-naħa l-oħra, ċittadin passiv joqgħod għal kollox u ma jimpurtahx minn xejn sakemm ma jmissx lilu jew lil butu!

Ċittadin attiv isemma’ leħnu b’mod l-aktar qawwi, meta u fejn hemm il-ħtieġa.

Il-Gvern ta’ Robert Abela għamel l-ewwel pass fil-Parlament biex inaqqas id-dritt liċ-ċittadin milli jkun ċittadin attiv u beda proċess biex minflok isaħħaħ il-vuċi attiva taċ-ċittadini tagħna, irid minflok inaqqas dan id-dritt. S’issa kull ċittadin li jemmen li hemm xamma ta’ korruzzjoni jista’ jitlob il-Qorti biex din tinvestiga u tara li ssir il-ġustizzja. Dan huwa dritt li jsaħħaħ id-demokrazija u l-governanza t-tajba. Dan kien dritt li l-PN daħħal meta kien fit-tmexxija għaliex il-PN huwa partit li jemmen fid-devoluzzjoni tal-poter.

Albert Buttigieg qal li l-PN jrid ċittadini attivi u dejjem ħadem għal dan il-għan, iżda donnu l-PL għandu allerġija għad-demokrazija. Biżżejjed wieħed jara l-istorja fis-snin tmenin; min jinsa l-istorja, għandu riskju li jirrepetti l-istess zbalji!

Il-PL jippreferi jkollhom ċittadini b’ħan-nagħaġ ta’ Bendu għaliex tkun tista’ tagħmel li trid u b’hekk ikunu jistgħu jkomplu fil-kwiet fir-road map tal-korruzzjoni u skandli li matul dawn l-aħħar 11-il sena huma l-legat tagħhom. Taħt skuża jew oħra, Robert Abela u l-PL iridu mhux biss ineħħu dan id-dritt imma anke jrid jipproteġi u jħares lil dawk il-persuni li jwettqu dan. Filwaqt li jiftaħar li jrid l-akkontabbiltà u t-trasparenza u spiċċa jipprotegi min qed jitħanzer u jiffanga għal skapitu tagħna lkoll. Il-PL li donnu sar dar ta’ kenn tal-ħallelin u frodist, u jrid ikompli jżid il-lista ta’ nies bla kontroll fil-pajjiz.

Albert Buttigieg qal li donnu l-PL ma jridx min ifixklu jew ikun xewka f’daru għaliex għalih id-demokrazija hija tajba biss fejn u meta jaqbillu. L-iskuza li qed ikun hemm abbuz hija skuża banali għal dawk li jafu x’tgħid liġi li tirregola li ma jkun hemm l-ebda abbuż. Sfortuntament, għal dawk li għalihom kollox jgħaddi, il-Prim Ministru għandu raġun!

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-PN, bħalma kien dejjem, sejjer ikun il-vuċi tas-sewwa u d demokrazija u qatt ma beża’ mid-demokrazija. Il-PN dejjem kien hemm forċina u tarka għad-demokrazija vera u ħajja. Flimkien ma’ diversi oħra fis-soċjetà ċivili li diġà wrew li ma jaqblux li l-PL inaqqar dan id-dritt, sejrin inkunu vuċi assertiva favur id-demokrazija.

Hu qal li minflokk Robert Abela u l-PL inaqqru dan id-dritt, għandhom jagħtu prova li verament jemmnu fit-tisħiħ tad-demokrazija billi jsaħħu din il-liġi. Dan filwaqt li ċ-ċittadin għandhom jingħaqdu mal-PN u jsemmgħu leħinhom b’mod l-aktar qawwi u ċar biex ‘flimkien naslu’.