Internazzjonali

Gaza: Attakki mill-ajru ġodda… meta mistennija l-jiem tal-ansjetà sakemm il-ftehim jidħol fis-seħħ

Il-qawwiet tal-ajru Iżraeljani, fl-aħħar sigħat, komplew bl-attakki fuq il-moħbiet tat-terroristi tal-Ħamas fid-diversi nħawi ta’ Gaza. Attakki li fihom inqatlu l-għexieren tal-Palestinjani u bl-azzjonijiet tal-gwerra ma jiqfux minkejja li nhar il-Ħadd mistenni jidħol fis-seħħ uffiċjalment il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied li ntlaħaq f’nofs il-ġimgħa (fil-Qatar) bejn ir-rappreżentanti Iżraeljani u tal-Ħamas.

Sadanittant, għad hemm arja ta’ imprevedibbiltà dwar il-futur, b’Iżrael, issa, qed jakkuża lill-Ħamas b’li qed imur lura mill-wegħdiet li għamel biex il-ftehim ikun irrealizzat. Aġir li l-Iżraeljani ma spjegawhx b’mod iddettaljat.

Fl-istess ħin, mifhum ukoll li l-Iżraeljani qed iżommu lura minn vot dwar il-ftehim mal-Ħamas fil-Kabinett – għalkemm hemm ukoll possibbiltà żgħira li dan jista’ jsir dalwaqt.

Il-grupp Ħamas, min-naħa tiegħu, qal li hu impenjat għall-ftehim iżda xi osservaturi sostnew li l-ġellieda Palestinjani qed jippruvaw iwasslu anki għall-ħelsien ta’ żewġ priġunieri partikulari – it-tnejn membri simboliċi tal-Ħamas u li, qabel, ma kenux inklużi mal-lista tal-Palestinjani li mistennija jinħelsu mill-ħabsijiet f’Iżrael skont il-patt.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, hu rrabjat għall-fatt li l-Ħamas, skont hu, qed ifittex aktar konċessjonijiet ‘tal-aħħar minuta’ u li ma kenux trattati fin-negozjati tal-aħħar ġimgħat – bil-Qatar u l-Istati Uniti bħala medjaturi.

Sadanittant, wieħed anki jista’ jirreferi għal dawn is-sigħat bħala ‘perjodu ta’ limbu’ u li fihom jistgħu jkomplu l-attakki tal-Iżraeljani fuq il-bażijiet tal-Ħamas.

Dan għaliex minkejja li l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied f’Gaza tħabbar mill-Qatar, kif ukoll mill-President tal-Istati Uniti Joe Biden u l-President Amerikan-elett Donald Trump, dan il-patt għadu mhux iffirmat u konkluż f’kull sens ta’ formalità.

Punt ieħor sinifikanti hu li minkejja li l-Gvern u l-Prim Ministru tal-Qatar, Mohammed bin Jassim Al Thani, qalu li l-ftehim se jidħol ‘mija-fil-mija’ fis-seħħ nhar il-Ħadd, l-issue tal-approvazzjoni mill-Kabinett Iżraeljan qed tissemma bħala l-aktar fattur kruċjali – u possibbilment anki ostakolu.

Il-vot ta’ Iżrael irid isir mill-Kabinett tas-Sigurtà Iżraeljan – magħmul minn ħdax-il membru u li hu l-ogħla istituzzjoni għat-tfassil tad-deċiżjonijiet –  qabel jittieħed vot ieħor mill-Kabinett sħiħ Iżraeljan ta’ 34 Ministri.

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru Netanyahu, sadanittant, qal li l-Kabinett mhux se jiltaqa’ sakemm il-medjaturi – f’dan il-każ il-Qatar u l-Istati Uniti – jinnotifikaw uffiċjalment lil Iżrael li l-Ħamas aċċetta l-elementi kollha tal-ftehim u mingħajr eċċezzjoni.

Fl-istess ħin, id-dewmien qed joħloq mhux ftit tal-ansjetà fost il-Palestinjani ta’ Gaza u l-Iżraeljani li qed jistennew ir-ritorn tal-ostaġġi li ilhom ħmistax-il xahar miżmumin mill-Ħamas qalb il-labirint tal-mini taħt l-art. Dan ukoll fost il-biża’ li ċerti elementi tal-ftehim jistgħu jibqgħu posposti wara xhur ta’ negozjati diffiċli biex Iżrael u l-Ħamas jaslu sa dan il-punt fl-istorja.

Ma jistax jonqos, intant, li l-pressjoni fuq Iżrael u l-Ħamas għadha kbira u fejn id-dinja qed tistenna li l-Medda ta’ Gaza tieħu ftit tan-nifs wara xhur konsekuttivi ta’ battalji u bumbardamenti.