Pajjiżna jeħtieġ pjan ta’ azzjoni biex jonqsu l-inċidenti u l-fatalitajiet fit-toroq tagħna
Fl-2016, il-Gvern nieda Strateġija Nazzjonali għat-Trasport li kellha l-għan li tnaqqas in-numru ta’ fatalitajiet fit-toroq bin-nofs sal-2030. Din l-istrateġija kellha wkoll tnaqqas in-numru ta’ dawk li jindarbu serjament f’inċidenti tat-traffiku bi 30% u dawk li jweġġgħu ħafif b’20%.
Il-verità hi li ninsabu ferm ’il bogħod milli nilħqu dawn il-miri. Filwaqt li fl-2015 kellna 17-il fatalità, fl-2022 kellna 26 fatalità u fl-aħħar sentejn kellna total ta’ 29 fatalità.
Il-fatalitajiet qegħdin jiżdiedu u mhux jonqsu. Is-sitwazzjoni fit-toroq tagħna qiegħda kulma jmur tmur għall-agħar u mhux għall-aħjar.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fi Triq il-President Anton Buttigieg, iż-Żejtun, u li ġiet indirizzata mix-Shadow Minister għat-Trasport Mark Anthony Sammut, mix-Shadow Minister għas-Saħħa Adrian Delia u minn Enya Abela, Minority Leader fil-Kunsill Lokali taż-Żejtun, il-Partit Nazzjonalista fakkar kif aktar minn sentejn ilu ġejna mwiegħda li kienet se titwaqqaf Kummissjoni Investigattiva għas-Sigurtà fit-Trasport li tkun tista’ tinvestiga u tistabbilixxi l-kawża tal-inċidenti, kif ukoll tissuġġerixxi tibdil li għandu jsir fid-disinn ta’ ċertu toroq, jew ċertu miżuri ta’ sigurtà li jistgħu jittieħdu biex ċerti inċidenti ma jirrepetux ruħhom.
Imma sal-lum din il-Kummissjoni għadha biss fuq il-karta. It-tħassib dwar is-sitwazzjoni fit-toroq tagħna esprimewh ukoll numru ta’ NGOs fosthom Doctors for Safety u l-Insurance Association of Malta. Apparti minn hekk, ir-Road Safety Council, li kien jagħmel xogħol tajjeb ħafna permezz ta’ kampanji edukattivi u għarfien dwar is-sigurtà fit-toroq, donnu għosfor ukoll. Meta ma’ dan kollu żżid in-nuqqas gravi ta’ infurzar, ikollok riċetta għal diżastru.
Iż-żewġ Shadow Ministers spjegaw li fit-toroq tagħna llum m’hemmx biżżejjed infurzar fuq sewwieqa li jistgħu jkunu qed isuqu taħt l-effett tax-xorb jew taħt l-effetti tad-droga, sewwieqa li jużaw il-mobile waqt is-sewqan, ipparkjar bl-addoċċ u li jikkawża periklu, u nuqqas ta’ użu tad-dwal.
Tal-iskantament kif għal pajjiż ta’ aktar minn nofs miljun ruħ fejn hawn mijiet ta’ eluf ta’ sewwieqa, il-Pulizija għandhom total ta’ 18-il breathalyser, li 17 minnhom kienu donazzjoni minn entità oħra. Tul dawn is-snin kollha, il-Gvern xtara biss breathalyser wieħed għall-Korp tal-Pulizija.
Din is-sitwazzjoni qed issir aktar perikoluża speċjalment issa li qed tiżdied ukoll l-inċidenza tas-sewqan taħt l-effett tal-kannabis, mingħajr ma hawn apparat li jiddetermina jekk sewwieq huwiex taħt l-effett ta’ din id-droga, bħalma jeżisti għall-alkoħol.
Għandna wkoll ħafna toroq li saru accident blackspots, u li spiss nisimgħu dwarhom fl-aħbarijiet u jibqa’ ma jsir xejn dwarhomn, bħalma hija Triq il-President Anton Buttigieg fiż-Żejtun fejn saret il-konferenza tal-aħbarijiet tal-lum.
Għandna wkoll sitwazzjoni fejn għandek numru ta’ ħaddiema minn oqsma differenti li qed jaħdmu sigħat twal u li jistgħu ikunu ta’ periklu meta jsuqu fi stat ta’ għeja. Il-kelliema spjegaw ukoll kif l-istress fit-toroq tagħna qed iwassal għal problemi ta’ saħħa mentali. It-traffiku u s-sewqan perikoluż flimkien ma’ stress ieħor marbut max-xogħol u l-pressjoni li ġġib magħħa l-għoli tal-ħajja qed iwasslu għal aktar ansjetà u problemi ta’ saħħa mentali li eventwalment jispiċċaw manifestati anke fit-toroq tagħna.
Il-Partit Nazzjonalista jemmen li hemm bżonn pjan ta’ azzjoni fuq livell nazzjonali li jindirizza dan il-periklu, u li jkun jinkludi fost l-oħrajn:
- Infurzar effettiv tar-regoli tat-traffiku li jneħħi mit-toroq tagħna xufiera abbużivi;
- Pieni aktar ħorox u sospensjonijiet ta’ liċenzji lil min jiġi stabbilit li kkawża inċidenti li fihom iweġġgħu jew saħansitra jmutu n-nies;
- Kampanji ta’ edukazzjoni dwar ir-rispett bejn kull min qed juża t-triq, karozzi, muturi, roti, u min qed jimxi;
- Infurzar ta’ miżuri ta’ sigurtà fejn ikunu qed isiru xogħlijiet fit-toroq;
- Rapport ta’ esperti dwar id-disinn ta’ toroq fejn qed jiġu ripetuti ħafna inċidenti, u inċidenti serji, u kif dawn jistgħu jitjiebu, fosthom Triq Anton Buttiġieġ, iż-Żejtun;
- It-twaqqif tat-Transport Safety Investigative Commission li kienet ġiet imwiegħda u li tkun tista’ toħroġ rakkomandazzjonijiet biex ċerti inċidenti ma jirrepetux ruħhom.
Il-Partit Nazzjonalista qed jisħaq li jeħtieġ li din il-pjaga tal-inċidenti fit-toroq tiġi indirizzata u s-sigurtà trid tingħata prijorità.
Il-Minority Leader tal-PN fiż-Żejtun Enya Abela tkellmet dwar petizzjoni bil-firem tar-residenti li nġabret is-sena li għaddiet u ntbagħtet lill-Prim Ministru u lill-Ministru għat-Trasport biex jittieħdu miżuri li jżidu s-sigurtà u jnaqqsu l-l-periklu fi Triq il-President Anton Buttigieg fiż-Żejtun, u li wkoll ġiet injorata. Hi staqsiet għaliex fost l-oħrajn il-Gvern qed jirrifjuta li jinstalla speed camera f’din it-triq fejn fl-aħħar snin seħħew numru ta’ inċidenti, fosthom diversi fatali.
Hu għalhekk li ma nistgħux naħlu ġurnata oħra nitkellmu biss. Il-Gvern għandu immedjatament iwettaq dak li wiegħed biex it-toroq tagħna jkunu aktar siguri, u għandu jkun fuq ta’ quddiem bl-eżempju billi xogħlijiet li jkun responsabbli għalihom hu jkunu konformi mar-regoli tas-saħħa u s-sigurtà fit-toroq, u mhux ikun hu stess kawża ta’ inċidenti.
Ma nistgħux inħallu aktar familji jgħaddu minn traġedji tort ta’ traskuraġni u nuqqas ta’ azzjoni.
//= $special ?>