Internazzjonali

Il-futur ta’ Greenland:  ‘Huwa l-poplu… u mhux Trump… li jiddeċiedi…’

ll-Prim Ministru tad-Danimarka, Mette Frederiksen, bagħtet messaġġ skjett lill-President Amerikan-elett Donald Trump li se jkunu ‘n-nies ta’ Greenland’ li jiddeċiedu l-futur tal-gżira – territorju li ilu s-snin igawdi livell ta’ awtonomija u li hu amministrat mill-Gvern ta’ Kopenhagen.

Dan wara li Trump, jiem ilu, qajjem tensjoni kbira f’Kopenhagen u f’Nuuk, il-kapitali ta’ Greenland, meta tkellem dwar l-ambizzjonijiet tal-Istati Uniti biex ‘takkwista’ lill-gżira li tinsab fir-reġjun tal-Artiku.

Aktar inkwetanti kien il-fatt li Trump ma rrinunzjax għall-użu ta’ forza biex jieħu l-kontroll ta’ Greenland – bi Frederiksen, waqt telefonata ma’ Trump, tisħaq li d-Danimarka tinsab lesta biex iżżid ir-responsabbiltà għas-sigurtà qalb iz-zoni tal-Artiku. Dan waqt li hi, sigħat ilu, enfasizzat l-istqarrijiet ta’ Mute Egede, il-Prim Ministru ta’ Greenland, fis-sens li ‘din il-gżira mhix għall-bejgħ’.

Trump ma kkummentax pubblikament dwar it-telefonata iżda bagħat messaġġ fuq is-sit tal-midja soċjali ‘Truth Social’ fejn irrefera għal stħarriġ tal-2019 li indika li mat-68 fil-mija tal-poplu ta’ Greenland kienu favur l-indipendenza mid-Danimarka.

Fil-fatt, mhux eskluż li ‘l quddiem isir referendum dwar l-indipendenza potenzjali ta’ Greenland – bid-Danimarka qed tgħid li lesta tirrispetta ‘kwalunkwe riżultat’.