Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola laqgħet lill-Prim Ministru Palestinjan Mohammad Mustafa fil-Parlament Ewropew. Il-laqgħa saret ftit sigħat wara t-tħabbira li ġie ssiġillat ftehim għal waqfien mill-ġlied f’Gaża u għall-ħelsien tal-ostaġġi, meqjusa mill-President Metsola bħala “l pass li d-dinja kienet qed tistenna u li tant nies kellhom bżonn,” kif irrimarkat f’post fuq X ilbieraħ filgħaxija.
Il-President Metsola qalet li hija grata għall-perspettiva li qasam magħha l-PM Mustafa. Huma ffukaw fuq il-ftehim għall-waqfien mill-ġlied, il-ħelsien tal-ostaggi u l-futur ta’ Gaża, biż-żewġ naħat jesprimu t-tama tagħhom li l-ftehim se jżomm u li l-bini mill-ġdid ta’ Gaża jista’ jibda.
“Il-prijorità immedjata tagħna trid tkun li niżguraw li l-ftehim iżomm u li l-għanijiet tiegħu jintlaħqu: il-waqfien tal-kunflitt, il-wasla tal-għajnuna, ir-ritorn l-ostaġġi lura lill-familji tagħhom. Dan għandu jkun il-pass li jeħtieġ jittieħed għall-istabbiltà dejjiema, il-paċi, il-bini mill-ġdid, u s-servizzi jerġgħu jibdew jaħdmu. Il-jum ta’ wara jrid iġib tama ġdida. Se naslu,” qalet.
Il-President tenniet l-impenn sod tal-UE għal paċi komprensiva u dejjiema, ibbażata fuq is-soluzzjoni ta’ żewġ stati kif ukoll ir-rieda tal-UE li tgħin biex jiġu indirizzati l-aktar ħtiġijiet urġenti tal-popolazzjoni Palestinjana, b’mod partikolari fir-rigward tal-għajnuna umanitarja. Suġġetti oħra diskussi kienu relatati mal-aġenda ta’ riforma Palestinjana, appoġġ finanzjarju tal-UE lill-poplu Palestinjan, u kooperazzjoni akbar mal-Parlament Ewropew.
Il-ġimgħa l-oħra, il-President Metsola ltaqgħet mal-President tal-Eġittu Abdel Fatah El-Sisi u mal-awtoritajiet Eġizzjani fil-Kajr biex tassigura li l-Ewropa lesta tikkontribwixxi għall-promozzjoni tad-djalogu u l-paċi fil-Lvant Nofsani.
//= $special ?>