Lokali Qorti

Il-Qorti tordna investigazzjoni dwar kif partijiet tal-inkjesta tal-Bank Pilatus spiċċaw għand Robert Aquilina

Il-Maġistrat Nadine Sant Lia ordnat lill-Pulizija tinvestiga kif partijiet tal-inkjesta dwar il-Bank Pilatus inkixfu u għaddew għand il-President Onorarju ta’ Repubblika Robert Aquilina. Dan wara li nhar it-Tlieta l-Maġistrat Sant Lia ċaħdet proċeduri ta’ sfida miftuħa mill-għaqda, bl-għan li tordna lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà jieħu azzjoni kriminali kontra l-ogħla uffiċjali tal-Bank Pilatus.

Il-bank, bħala istituzzjoni finanzjarja, u l-eks Money Laundering Reporting Officer tal-bank Claude-Anne Sant Fournier ta’ 44 sena minn Tas-Sliema, ġew akkużati b’rabta mal-inkjesta. Fil-konfront tal-Bank Pilatus kien tressaq ukoll il-Qorti Fabio Axisa, ta’ 51 sena minn Ħ’Attard, li huwa sieħeb fil-kumpanija tal-awditjar PWC Malta u ġie akkużat bħala rappreżentant tal-bank Pilatus.

Madankollu huwa mhux qed jiffaċċja akkużi personali. Huwa akkużat biss bħala l-persuna kompetenti li ġiet appuntata mill-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, (MFSA) bħala r-rappreżentant tal-bank. F’Settembru tal-2021, il-bank ingħata multa rekord ta’ €4.9 miljun mill-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU).

Fis-sentenza tagħha li ċaħdet it-talba, il-Maġistrat qalet li dan sar fuq il-bażi li l-provi mressqa ma kenux biżżejjed biex tingħata din l-ordni. Fl-istess sentenza, il-Maġistrat ordnat lill-Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga kif Aquilina kiseb informazzjoni sensittiva dwar il-każ u li dan juri ċertu nuqqas ta’ integrità fl-uffiċjali li jaf kixfu t-tali informazzjoni.

Hi qalet li Aquilina stess ammetta li ra partijiet tal-inkjesta minkejja li ma kellux permess jagħmel dan u li dan huwa “xokkanti ħafna”. Hi qalet ukoll li dan jaf tappan ukoll l-integrità tal-inkjesta nfisha u l-mod kif ċertu informazzjoni nkixfet għal skopijiet ulterjuri. Hi staqsiet kif id-dokument tal-inkjesta kien qed jiġi mgħoddi bl-ebda sorveljanza adegwata.

Il-Maġistrat ilmentat li l-awtoritajiet inkwistjoni ma ħadux il-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-informazzjoni ma tinkixifx. Repubblika kienet appellat biex il-Maġistrat Sant Lia ma tismax il-kawża li fetħet dwar kif l-Avukat Ġenerali ordnat nolle prosequi biex ma jinfetħux proċeduri kriminali kontra l-uffiċjali tal-bank.

Wara li l-Maġistrat irrifjutat li tirrekuża ruħha u Repubblika kellha kawża milqugħa biex il-kawża tan-nolle prosequi tiġi assenjata lil Maġistrat differenti, l-Avukat tal-Istat kien appella din id-deċiżjoni u t-talba tiegħu ntlaqet ukoll.

Repubblika kkonfermat li se tappella din is-sentenza fejn qalet li ma taqbel xejn magħha u tmur kontra l-ġustizzja u l-ordni tal-Maġistrat Inkwirenti. F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana, Aquilina qal li l-Maġistrat Inkwirenti kien ta direzzjoni ċara li bosta uffiċjali tal-Pilatus għandhom jaffaċċjaw passi kriminali.

Hu saħaq li s-sentenza tal-Maġistrat kienet mifnija b’kontradizzjonijiet u staqsa kif fl-istess ħin li qalet li m’hemmx evidenza b’saħħitha biżżejjed, trid investigazzjoni kif l-evidenza spiċċat f’idejn Repubblika. Aquilina sostna li għandu dover li ma jikxifx lis-sorsi tiegħu u akkuża lill-Prim Ministru Robert Abela li qed jaġixxi b’dan il-mod biex jipprova jwaqqaf lill-għaqda milli tiżgura li ssir ġustizzja.