It-tniġġis urban jibqa’ theddida ambjentali kbira għas-saħħa fl-UE. Din hija twissija li toħroġ minn rapport li ġie ppubblikat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA). L-ibliet Ewropej huma wisq storbjużi, u t-tniġġis tal-arja għadu għoli wisq, minkejja li sar titjib. L-awdituri jgħidu li din hija kawża partikolari ta’ tħassib, billi l-UE u l-Istati Membri tagħha se jkunu meħtieġa jżidu l-isforzi tagħhom biex jissodisfaw l-istandards aktar stretti fis-snin li ġejjin.
Tliet kwarti taċ-ċittadini tal-UE jgħixu f’zoni urbani, u għalhekk huma partikolarment esposti għat-tniġġis tal-arja u dak ikkawżat mill-istorbju. Skont l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, it-tniġġis tal-arja joqtol mill-inqas 250,000 persuna kull sena fl-Ewropa. Barra minn hekk, l-esponiment fit-tul għal livelli eċċessivi ta’ storbju jista’ jkollu effetti negattivi fuq is-saħħa, bħal problemi tal-irqad, ansjetà, disturbi konjittivi, u problemi ta’ saħħa mentali, li jirriżultaw fi 48,000 każ ġdid ta’ mard tal-qalb u 12,000 mewta prematura fl-Ewropa kull sena. L-UE introduċiet regoli biex tipproteġi l-450 miljun ċittadin tagħha mit-tniġġis tal-arja u dak ikkawżat mill-istorbju. Il-Kummissjoni Ewropea ssostni wkoll li mmobilizzat €46.4 biljun għall-perjodu 2014–2020 u €185.5 biljun għall-perjodu 2021–2027 biex tappoġġa l-objettivi tal-arja nadifa.
“Kien hemm żviluppi pożittivi fil-ġlieda kontra t-tniġġis urban. Madankollu, ikun żball kbir li nikkuntentaw b’dak li diġà ksibna”, qal Klaus-Heiner Lehne, il-Membru tal-QEA responsabbli mill-awditu. “L-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtiġilhom jirrealizzaw li miri ambizzjużi ma jistgħux jintlaħqu mingħajr ma jsir sforz ferm akbar.”
L-awdituri jirrikonoxxu li l-kwalità tal-arja tjiebet fl-UE b’mod ġenerali. Madankollu, huma jwissu li t-tniġġis tal-arja — b’mod partikolari l-konċentrazzjoni tad-diossidu tan-nitroġenu (NO2) ikkawżat mill-karozzi u mit-trakkijiet — għadu problema kbira. Fl-2022, 10 Stati Membri kienu għadhom jaqbżu l-limitu attwali tad-diossidu tan-nitroġenu (NO2) tal-UE. Peress li l-istandards tal-kwalità tal-arja tal-UE dalwaqt se jsiru aktar stretti, l-ibliet tal-UE se jkunu meħtieġa jżidu l-isforzi tagħhom biex jissodisfaw l-istandards il-ġodda tal-UE jekk iridu joqorbu lejn ir-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).
L-istorbju huwa aspett ieħor tat-tniġġis urban, u spiss jiġi injorat. L-awdituri jikkonkludu li huwa prattikament impossibbli li jiġi vvalutat il-progress fit-tnaqqis ta’ dan it-tip ta’ tniġġis fl-UE. Il-biċċa l-kbira mill-Istati Membri għandhom nuqqasijiet u dewmien fil-monitoraġġ tal-istorbju, u dan ifisser li ma tistax tiġi stabbilita xejra. Id-data tissuġġerixxi li l-mira ta’ tniġġis żero għall-2030 f’dak li jirrigwarda l-istorbju, jiġifieri tnaqqis ta’ 30% fl-għadd ta’ persuni li jġarrbu ħsara mill-istorbju mit-trasport, x’aktarx mhux se tintlaħaq. L-istimi juru li din, l-aktar l-aktar, se tonqos b’19 % u, fl-agħar xenarju possibbli, tista’ saħansitra tiżdied bi 3% sal-2030.
Il-fatt hu li l-ibliet isibuha diffiċli biex jindirizzaw b’mod effettiv it-tniġġis tal-arja u dak ikkawżat mill-istorbju. Ir-raġunijiet għal dan ivarjaw minn koordinazzjoni fqira min-naħa tal-awtoritajiet għall-effettività dubjuża tal-miżuri, biex ma nsemmux ir-reżistenza tan-nies tal-lokal kontra dawn il-miżuri. Nieħdu, pereżempju, iz-zoni ekoloġiċi (“assi”), fejn in-nies li jkunu għaddejjin bil-mixi u ċ-ċiklisti għandhom prijorità fuq il-karozzi. L-awdituri sabu li dawn iġibu benefiċċji għan-nies tal-lokal, iżda jaggravaw il-kwalità tal-arja u l-livelli tal-istorbju fit-toroq tal-madwar. Bl-istess mod, iz-zoni b’emissjonijiet baxxi — li jgħinu biex jitnaqqas it-tniġġis tal-arja u dak ikkawżat mill-istorbju — huma problema dejjem aktar sensittiva. Pereżempju, it-tentattivi biex dawn jiġu introdotti f’Barċellona u fi Krakovja ħabbtu wiċċhom ma’ sfidi legali għal raġunijiet ta’ diskriminazzjoni jew restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu, li wasslu biex il-miżura titnaqqas jew tiġi posposta.
L-awdituri sabu wkoll li l-proċedura ta’ ksur tal-Kummissjoni Ewropea hija twila u mhux dejjem tkun effettiva biex l-ibliet awditjati jimxu skont ir-regoli tal-UE dwar it-tniġġis tal-arja u dak ikkawżat mill-istorbju.
//= $special ?>