Il-kumpanija tal-ispazju ta’ Jeff Bezos, il-fundatur biljunarju ta’ Amazon, tellgħet l-ewwel rokit fl-orbita f’tentattiv biex tisfida lill-kumpanija SpaceX ta’ Elon Musk, il-proprjetarju tal-midja soċjali X u intrapriżi kbar oħra u liema kumpanija, fil-preżent, hi l-entità dominanti f’dan is-settur.
Ir-rokit bl-isem New Glenn, tela’ mill-Ispace Force Station ta’ Cape Canaveral, fi Florida, kmieni l-Ħamis filgħodu biex b’hekk infetaħ kapitlu ieħor fl-isfida magħrufa bħala ‘Space Race’.
F’din is-sitwazzjoni, Bezos u Musk – l-akbar żewġ sinjuri fid-dinja – qed jikkompetu ma’ xulxin fil-kamp tal-esplorazzjoni spazjali li qed jiżviluppa wkoll bħala settur kummerċjali. Settur li minnu jistgħu jiggwadanjaw in-nies sinjuri biżżejjed biex jaffordjaw l-esperjenzi fl-ispazju memorabbli.
Mistenni wkoll li l-pika bejn Bezos u Musk għandha tkompli tikber fix-xhur li ġejjin waqt li huma, permezz tal-kumpaniji rispettivi, jiżviluppaw ir-rokits akbar u li kapaċi jivvjaġġaw aktar fit-tul tal-ispazju.
Jeff Bezos u Elon Musk it-tnejn iridu jżidu mal-ammont tas-satelliti fis-sema li qed joperaw fil-preżent minbarra li jespandu ‘l-imperi’ tal-istazzjonjiet spazjali. Dan fost it-tkattir tal-inizjattivi biex aktar nies jissieħbu fil-vjaġġi lejn il-qamar b’mod aktar regolari.
Elon Musk, intant, bagħat messaġġ lil Jeff Bezos fejn feraħlu ‘għas-suċċess tal-ewwel attentat biex iwassal ir-rokit fl-orbita’. Dan meta l-kumpanija ta’ Bezos qed tħejji għal-‘launch’ li jmiss f’April – u wara li xi problemi tekniċi kienu pposponew it-tlugħ fl-ispazju tal-ewwel ‘minn fost diversi rokits’.
//= $special ?>