Internazzjonali

L-Ukrajna: Starmer iwiegħed ‘l-appoġġ kontinwu’ tar-Renju Unit waqt żjara sinifikanti fi Kiev

Il-Prim Ministru Britanniku, Keir Starmer, għamel l-ewwel żjara fl-Ukrajna bħala l-Mexxej tar-Renju Unit waqt li impenja ruħu biex pajjiżu jgħin lill-Ukreni jikkonsolidaw ‘l-aktar pożizzjoni soda possibbli’ matul din is-sena.

Iż-żjara kellha ssir sitt xhur wara li Starmer laħaq Prim Ministru u fejn hu sostna li r-Renju Unit se jibqa’ jappoġġja lill-Ukrajna għat-tul taż-żmien biex din tirreżisti għall-invażjoni ta’ artha mill-qawwiet tar-Russja. Invażjoni li Starmer, waqt il-laqgħat fi Kiev, fissirha bħala waħda ‘illegali u barbara’.

Starmer u l-President Ukren, Volodymyr Zelensky, it-tnejn qiegħdu l-fjuri quddiem monument għall-Ukreni kollha li tilfu ħajjithom fil-gwerra mar-Russja – bil-Prim Ministru Britanniku jwiegħed mill-ġdid li r-Renju Unit qatt mhu se jżomm lura milli jibgħat l-għajnuna neċessarja kollha (inkluż mill-aspett militari ) lill-Ukrajna.

Iż-żjara ta’ Starmer fl-Ukrajna kkommemorat ‘il-partnership storiku ta’ 100 sena’ ta’ dan il-pajjiż mar-Renju Unit – u minbarra li fformalizzat l-appoġġ militari u ekonomiku li l-Britanniċi wiegħdu diġà lill-Ukreni.

Min-naħa tiegħu, Volodymyr Zelensky irid jikseb aktar garanziji ta’ sigurtà sodi mingħand l-Alleati ewlenin tal-Ukrajna u meta hu konxju li l-Istati Uniti, taħt il-Presidenza ġdida ta’ Donald Trump, għandha twettaq pressjoni fuq l-Ukreni biex ‘jaċċettaw’  xi forma ta’ paċi mar-Russja ta’ Vladimir Putin.

L-Ukreni huma wkoll ansjużi bil-kummenti ta’ Marco Rubio, il-magħżul ta’ Trump fir-rwol ta’ Segretarju tal-Istat Amerikan ġdid, wara li qal li r-Russja u daqstant ieħor l-Ukrajna t-tnejn iridu jagħmlu l-konċessjonijiet  għat-tmiem tal-gwerra.

Min-naħa tiegħu, Keir Starmer fakkar li fost il-konsegwenzi tal-konflitt tal-Ukreni mar-Russi kien hemm it-tisħiħ tar-rabta bejn l-Ukrajna u l-Alleanza tan-NATO. Dan meta l-Alleati l-oħrajn tal-Ukreni għandhom ukoll ikomplu bl-appoġġ lill-Gvern ta’ Zelensky ‘u fuq l-istess ritmu determinat’ sakemm is-sovranità tal-Ukrajna tkun iggarantita għall-futur.