Lokali

Mill-2022 it-toroq Maltin ħallew 58 vittma

In-numri huma xokkanti. U bl-aħħar żewġ vittmi fl-ewwel jiem tas-sena l-ġdida, issa telgħu għal 58 il-persuni li mietu fit-toroq Maltin mill-2022 ‘l hawn – numri li mhumiex sempliċi statistika, iżda mwiet u sofferenza kbira għall-qraba ta’ dawk li tilfu ħajjithom.

L-analiżi ta’ dawn iċ-ċifri turi li l-2022 ħalliet 28 vittma fit-toroq tagħna. Fis-sena 2023 kellna 16-il persuna li tilfu ħajjithom f’inċidenti tat-traffiku. U s-sena l-oħra kellna 13-il vittma – medja ta’ fatalità kull xahar.

Fis-sena l-ġdida, diġà kellna żewġ vittmi – iż-żagħżugħ li skidja bil-karozza tiegħu f’Ħ’Attard, u t-tfajla min-Nepal li ntlaqtet minn pickup fil-Fgura.

U minkejja li fl-2014 il-Gvern kien wiegħed li se jnaqqas il-fatalitajiet fit-toroq tagħna bin-nofs, huwa evidenti li din il-mira ma ntlaħqitx – anzi, il-vittmi fit-toroq tagħna komplew jiżdiedu.

Fl-aħħar jiem, l-għaqda Doctors for Road Safety irrimarkat kif anke l-għejja u l-istress fuq il-post tax-xogħol qed jaffettwaw lis-sewwieqa. Iżda fuq kollox, hemm l-abbuż minn sustanzi illetiċi li jħallu effett kbir fuq il-kontroll tal-vetturi.

Fuq Net TV, it-tabib Gordon Caruana Dingli spjega kif apparti l-impatt fuq livell uman… hemm ukoll impatt ekonomiku fuq vittmi li jibqgħu feruti wara inċidenti; speċjalment dawk li ma jkunx possibbli għalihom jirritornaw għax-xogħol li kienu jagħmlu qabel.