Knisja Lokali

San Publju fis-sena ċentinarja

Nhar il-Erbgħa, 22 ta’ Jannar, il-Knisja f’Malta tagħmel it-tifkira ta’ San Publju, qaddis patrun ta’ Malta.

Din tiġi ċċelebrata bl-aktar mod xieraq fil-Knisja Arċipretali tal-Floriana permezz ta’ quddiesa solenni tal-okkażjoni. Din is-sena, se tkun festa aktar speċjali, għaliex qed jiġi ċċelebrat id-19-il ċentinarju mill-martirju ta’ San Publju.

Għaldaqstant, l-Assoċjazzjoni Publju ta’ Malta ħejjiet programm biex niftħu l-festa liturġika kif ukoll il-festi ċentinarji. Nhar il-Ħadd 19 ta’ Jannar se ssir dimostrazzjoni bi statwa ta’ San Publju akkumpanjata minn banda fil-Floriana fl-10:15 ta’ filgħodu quddiem il-monument ta’ San Publju li jinsab fi Triq il-Miratur. Il-programm se jibda’ bi spjegazzjoni dwar l-għan tal-attività u r-relevanza tal-martirju ta’ San Publju fi żmienna. Imbagħad tintalab il-kurnuella ta’ San Publju, jitkanta l-innu, u tibda l-manifestazzjoni.

Din se tgħaddi minn Pjazza San Publju, naqsmu l-Mall, triq Vincenzo Dimech, Triq l-Iljun, Triq il-Konservatorju, Triq il-Mall, Triq Sarria, Pjazza Emmanuel S. Tonna, Triq San Publju, Triq San Tumas, Triq Sant Anna, Triq San Franġisk, Triq il-Miratur, sa quddiem l-istess monument. Matul it-triq, se jiġu ppreżentati bukketti tal-fjuri minn diversi għaqdiet Furjaniżi biex tinżamm l-unità bejn dawn l-għaqdiet, kif ukoll bħala qima lejn San Publju. Kollox jintemm għall-ħabta ta’ nofsinhar.

Din l-attività se tiġi organizzata mill-Assoċjazzjoni Publju ta’ Malta. Din hija għaqda volontarja li l-għan ewlieni tagħha huwa li tieħu ħsieb biex tkabbar il-kult, il-wirt u d-devozzjoni lejn San Publju bħala l-isqof u l-mexxej b’valuri u prinċipji nsara li għandu jkollhom l-isqfijiet u l-mexxejja kollha. Din l-għaqda ġiet imwaqqfa fl-2012 u wara li twaqqfet din l-għaqda, ħsibna kif jista’ jkun l-aħjar mod kif inferxxu d-devozzjoni lejn San Publju. Allura, ħriġna bl-idea li tinħadem statwa fuq xbieha ta’ dan l-istess qaddis.

Il-ħsieb ewlieni kien biex din tintuża bħala statwa devozzjonali li ma tibqax biss fil-Floriana, iżda toħroġ il-barra minn Bieb il-Bombi, għax fl-aħħar mill-aħħar, San Publju huwa patrun ta’ Malta kollha, mhux tal-Floriana biss. Din l-istatwa ġiet inawgurata fir-Rabat Malta, u mbierka minn Mons. Louis Suban.

Minn dakinhar ‘l hemm, l-istatwa marret f’numru ta’ postijiet ġewwa l-gżejjer Maltin. L-istatwa ttieħdet fuq il-gżejjer ta’ San Pawl, Buġibba, fl-isptar San Vincenz de Paul, Burmarrad, ir-Rabat, l-Imdina, San Pawl Milqi kif ukoll f’Ta’ Pinu Għawdex. Ma naqasx li din l-istatwa tterraq fit-toroq tal-post fejn hu l-aktar meqjum: il-Floriana, u hekk se jerġa’ jsir għat-tieni darba, b’laqta daqsxejn differenti.

Din l-attivita se tkun qed issir nhar il-Ħadd fl-10:15 ħdejn il-monument ta’ San Publju, fi Triq il-Miratur, il-Floriana.