Il-Partit Nazzjonalista jinnota li l-inkjesta dwar l-iskandlu fi ħdan l-aġenzija Identità – fejn numru ta’ nies bdew jirċievu posta b’ismijiet ta’ persuni li qatt ma għexu fl-indirizzi indikati – wasslet biex numru ta’ persuni jibdew jitressqu l-Qorti.
Filwaqt li jappella biex ikun hemm rispett sħiħ għall-proċess ġudizzjarju, il-Partit Nazzjonalista jagħmel referenza għas-silenzju assolut min-naħa tal-Gvern dwar dan il-każ, u għan-nuqqas ta’ responsabbiltà politika minn min kemm-il darba ċaħad u qal li dan kollu mhuwiex minnu.
Il-Gvern Laburista bħalissa għaddej b’kampanja ta’ propaganda bit-tir li jipprova jsewwi l-problemi li ħoloq hu stess b’rabta mal-ammont kbir ta’ barranin li importa minn pajjiżi oħra mingħajr l-ebda pjan, u l-impatt negattiv li dan kollu qed iħalli fuq il-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti.
Dan, apparti l-fatt li ħaddiema minn pajjiżi terzi qegħdin ukoll jispiċċaw vittmi ta’ abbużi f’pajjiżna kaġun ta’ dan in-nuqqas ta’ ppjanar min-naħa tal-Gvern Laburista.
Għall-kuntrarju, l-aħbarijiet mill-Qorti qegħdin juru l-istampa vera: il-kollass totali li hemm fi ħdan l-aġenziji tal-gvern f’dan il-qasam.
Li kieku ma kienx għall-poplu stess li kixef dan ir-racket tal-karti tal-identità, li kieku ma kienx għall-inkjesta li nbdiet mill-Avukat Jason Azzopardi, u li kieku ma kienx għall-pressjoni politika li saret mill-Partit Nazzjonalista, għall-Gvern Laburista, kollox baqa’ għaddej fil-moħbi.
Huwa proprju minħabba f’dawn ir-raġunijiet, u oħrajn, li l-inkjesti qed idejqu lill-Prim Ministru Robert Abela, li qed jagħmel minn kollox biex iwaqqaf liċ-ċittadini milli jitolbu inkjesta u issa saħanistra ressaq liġi fil-Parlament biex iċaħħadhom minn dan id-dritt.
Dan intqal fi stqarrija minn Darren Carabott ix-Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi
//= $special ?>