“Jekk sar terroriżmu politiku f’dawn l-aħħar snin ma sarx minn dawk li ġġildu għal ġustizzja, imma sar minn dawk li qatlu lil Daphne Caruana Galizia.”
Hekk stqarr l-Eks Kap tal-PN Simon Busuttil f’velja f’ġieħ il-ġurlanista Daphne Caruana Galizia – dan anke minħabba l-fatt li Robert Abela għadda emendi fil-Parlament li ser jirristrinġu d-dritt ta’ ftuħ ta’ Inkjesta Maġisterjali miċ-ċittadin.

Simon Busuttil spjega kif it-triq tal-verità ma kienet qatt faċli – dan anke minħabba li għal dawn l-aħħar snin pajjiżna ġie mmexxi minn Gvern li l-prijoritajiet tiegħu kienu li jiddefendi l-korrotti.
Busuttil fakkar kif Joseph Muscat huwa kompliċi f’reati serji ta’ kriminalità wara li baqa’ sena wara sena jiddefendi lil dawk li kellu miegħu – b’riżultat li issa għandna Prim Ministru li qed ikompli fuq il-passi ta’ dak ta’ qablu, tant li lest jirristrinġi d-drittijiet taċ-ċittadini għall-fini personali tiegħu.

L-Eks Kap tal-Partit Nazzjonalista għalaq billi fakkar li kull wieħed u waħda minna għandna niġġieldu għad-drittijiet sagro santi tagħna u ma nħallux lil dan il-Prim Ministru jisraqna mill-Ġustizzja.

Min naħa l-oħra Vicki Ann Cremona, President tal-Għaqda Repubblika, saħqet li Robert Abela u l-Partit Laburista qed jipprova jimmanipula l-fatt, dan għaliex il-ligi diġà tipprotegi kontra l-abbuż b’zewġ modi, bid-delitt tal-kalunja dik tal-ġurament falz. Hi kompliet tisħaq li preżentament id-demokrazija f’Malta qiegħda taffaċċja theddid kbir.
Min naħa tiegħu l-ġurnalist Manuel Delia sostna kif Robert Abela issa qed jgħid li biex il-ġustizzja tilħaq lil Ministri sħabu rridu ngħaddu minn fuq il-kadavru tiegħu. Delia saħaq li Robert Abela huwa tarka umana tal-korrotti.

L-attivista Martina Farrugia kompliet tisħaq kif fi 12-il sena ta’ Gvern Laburista rajna Gvern li tefa’ l-interessi tal-ftit fuq il-ħafna – b’riżultat li r-riperkussjonijiet ta’ dan kollu qed ibatihom pajjiżna u l-poplu Malta. Hi għalqet billi appellat lil dawk ta’ rieda tajba sabiex jaħdmu għal bidla li dan il-pajjiż tant għandu bżonn.
Fl-aħħar nett l-attivist Robert Louis Fenech sostna kif il-poplu jrid li Malta, il-kultura taghna, l-ambjent tagħna – tassew jiġu l-ewwel u qabel kollox, u li tassew ikunu tagħna lkoll. Hu saħaq kif Malta lkoll konna u għadna nħobbu li tiġġedded u tissaħħaħ, u li ma nerġgħu qatt nidħlu f’dawn l-isqaqien mudlama.




Ritratti: Catriel Farrugia Sghendo
//= $special ?>