Raġel ta’ 37 sena ġie kkundannat tliet snin ħabs wara li ammetta li kien involut f’sensiela ta’ serqiet u attentati ta’ serq li saru f’Novembru li għadda. Supermarket f’San Pawl il-Baħar kien fil-mira fil-lejl bejn is-6 u s-7 ta’ Novembru.
Filwaqt li l-attentat ta’ serq mis-supermarket ma rnexxiex, vettura ta’ kumpanija privata kienet insterqet. Fis-16 ta’ Novembru kien hemm attentat ieħor ta’ serq mingħajr suċċess f’supermarket ieħor f’San Pawl il-Baħar.
Intant, supermarket fis-Swieqi sofra minn żewġ serqiet, fid-9 u fit-18 ta’ Novembru. Sussegwentement żewġ individwi ġew akkużati b’dawn is-serqiet, biċ-ċittadin Rumen – Alin Dan Ciocan jagħżel li jammetti fis-27 ta’ Diċembru wara li ntlaħaq ftehim bejn id-difiża u l-prosekuzzjoni.
Apparti diversi akkużi ta’ serq u attentat ta’ serq, Ciocan kien ġie mixli wkoll li rċieva oġġetti misruqa, li naqas milli jinnotifika lill-Pulizija b’oġġetti mitlufa, li naqas milli jieħu ħsieb it-tfal fil-kura tiegħu u li sar riċediv.
Ftehimiet bejn il-partijiet ma jorbtux lill-Qorti, qalet il-Maġistrat Ann Marie Thake, iżda f’dan il-każ qablet li kien xieraq. Hija enfasizzat li Ciocan ma setax jirċievi s-sentenza minima peress li ma kienx l-ewwel reat tiegħu, u li s-sentenza rakkomandata kienet fil-parametri legali. Ciocan ġie mmultat ukoll €1,000, u ordnat iħallas total ta’ €2,028.91 bħala restituzzjoni lill-vittmi tas-serq.