Lokali

Wara 87 xahar għadna bla verità u bla ġustizzja – il-PN

Robert Abela kiser il-wegħda tiegħu stess li jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia

Wara 87 xahar mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, pajjiżna għadu bla verità u bla ġustizzja u bi Prim Ministru li kiser il-wegħda tiegħu stess li jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika.

Dan intqal fi stqarrija maħruġa mix-Shadow Minister għall-Ġustizzja, Karol Aquilina; u mix-Shadow Minister għall-Amministrazzjoni Pubblika, ix-Xandir Pubbliku u l-Ġlieda Kontra d-Dijabete, Claudette Buttigieg.

Huwa skandaluż li bl-iktar mod irresponsabbli, Robert Abela tefa’ r-rapport tal-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fuq l-ixkaffa jiġma’ t-trab għal aktar minn tliet snin u ħames xhur u ma wettaq l-ebda waħda mir-rakkomandazzjonijiet li għamlu t-tliet Imħallfin fl-inkjesta pubblika.

Agħar minn hekk, Robert Abela qed jibqa’ jagħmel minn kollox biex inessi l-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia u l-iskandli li kixfet, fosthom dawk tas-17 Black, l-Egrant, il-Panama Papers, il-Vitals u Steward, il-Bank Pilatus, l-Electrogas u ħafna oħrajn.

Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li dan l-aġir ta’ Robert Abela huwa parti mill-pjan tal-patt imxajtan li daħal fih u li jinkludi:

1.            L-għoti tal-immunità lill-politiċi korrotti u l-kompliċi tagħhom

2.            It-tnaqqis fid-dritt taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin li jitolbu l-ftuħ ta’ inkjesti maġisterjali

3.            Tfixkil u ndħil lill-Imħallfin u l-Maġistrati fil-ħidma tagħhom

4.            Kontroll assolut u abbużiv tax-xandir nazzjonali

5.            Ħtif tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-għażla ta’ Avukat Ġenerali inkompetenti

6.            Kummissarju tal-Pulizija pupazz f’idejn Kastilja

7.            Attakki kontinwi u mimlijin ħdura fuq il-Partit Nazzjonalista, l-attivisti u s-soċjetà ċivili

8.            Il-ġurnalisti jiġu trattati bħala għadu u mħollija mingħajr ħarsien adegwat

9.            Disprezz, indħil u abbuż tal-istituzzjonijiet ewlenin ta’ pajjiżna

10.       Xiri ta’ voti b’diversi rackets ta’ frodi u serq f’dipartimenti, aġenziji u awtoritajiet tal-Gvern.

Illum kulħadd jaf li pajjiżna huwa mmexxi minn Gvern mifni bil-korruzzjoni u li ma tgħallem assolutament xejn mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Minkejja li nbidel il-Prim Ministru, xorta waħda pajjiżna baqa’ bl-istess abbużi ta’ poter, korruzzjoni u skandli oħra li issa saru l-ordni tal-ġurnata.

ll-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-Maltin u Għawdxin ta’ rieda tajba sabiex b’mod kollettiv nibqgħu naħdmu biex issir magħrufa l-verità kollha u ssir ġustizzja mal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia.