Żewġ Diretturi tal-kumpanija Malta Fairs and Convention Centre (MFCC) ma nstabux ħatja li bl-aġir tagħhom u nuqqas ta’ kompetenza kienu responsabbli għall-inċident li seħħ meta waqgħet struttura tal-ħadid fuq il-palk tal-MFCC li kaġun tiegħu weġġgħu erba’ persuni, wieħed b’mod kritiku u għamel xi ħin fil-periklu tal-mewt.
Nazzareno Vassallo ta’ 73 sena mill-Mosta u ibnu Christian Vassallo ta’ 43 sena ġew illiberati mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo li kienu kaġun ta’ inċident li seħħ fis-17 ta’ Marzu f’Ta’ Qali fil-10.50am. L-inċident seħħ waqt it-tħejjijiet għal ‘musical’ Ġensna meta struttura qisha arkata li kienet qed tintuża għall-attrezzaturi tad-dawl waqgħet ‘il quddiem u waqgħet fuq il-palk.
Nies fuq il-post kienu qalu li l-istruttura tal-kannizzata tal-azzar waqgħet bil-mod fost għajjat u kommossjoni minn dawk preżenti, bl-erba’ persuni ma setgħux joħorġu minn mal-ħoss tal-waqa’ fil-ħin. Uffiċjali tas-salvataġġ waslu malajr fuq il-post b’vetturi ta’ salvataġġ u ambulanzi. Il-ġurnalisti ma kenux tħallew jersqu viċin il-post.
Raġel ta’ 48 sena mill-Fgura kien weġġa’ gravi u tlett irġiel oħra, ta’ 26, 31 u 25 sena mill-Kalkara, Bormla u l-Fgura weġġgħu inqas gravi iżda ddaħħlu l-isptar. L-erbgħa kienu impjegati ta’ Nexos u Raymond Vella Lighting.
Il-ħsara fit-tagħmir tad-dawl u l-big screen kienet deskritta bħala estensiva u tlaħħaq f’ħafna eluf ta’ ewro. Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo semgħet il-każ hekk kif id-Diretturi tal-kumpanija kienu akkużati wkoll li naqsu milli jassiguraw is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol.
Il-Qorti semgħet kif kienu tqabbdu diversi kuntratturi jaħdmu fuq il-post fosthom dawk tad-dawl. Il-Qorti qalet li waslet għall-konklużjoni ta’ dan l-inċident mir-rapport tal-espert maħtur. Huwa qal li kien hemm assimetrija bil-mod kif kien imqassam il-piż fuq l-istruttura. Fattur ieħor kien kif titmexxa l-istess struttura u l-kuntatt bejn ir-roti tal-art u l-konkos.
Il-Qorti qalet li dan kollu sar fuq parir ta’ min iddisinja l-istess struttura fejn minn dejjem baqgħet tintuża’ l-istess sistema. Fattur ieħor huwa ta’ kif ir-roti jmissu mal-art. Dwar il-piż ta’ kif kien imqassam, dan seta’ wkoll kellu sehem f’dak li seħħ, iżda mhux bilfors.
Għaldaqstant, dak li seħħ ma jistax jiġi attribwit b’mod ċar u li għaldaqstant mhux biżżejjed li jwassal għas-sejbien ta’ ħtija jew nuqqas kemm tal-kumpanija jew ħaddiema tagħha u għalhekk ġew illiberati mill-akkużi kollha miġjubin kontrihom.
Sadanittant, tliet persuni oħra b’rabta mal-kumpanija bħala Managers u Segretarji wkoll ġew liberati b’rabta mal-każ. Dawn kienu Gerald Manuel Borg ta’ 77 sena residenti tas-Sliema, Mark Attard Farrugia ta’ 62 sena residenti Ħ’Attard, u Anita Mifsud ta’ 55 sena mill-Mellieħa.
Għall-akkużati deher l-Avukat Joe Giglio.
Il-każ instema’ f’kawża tad-distrett tar-Rabat.
//= $special ?>