Lokali

Abela jmur fuq is-Super One jiftaħar bil-5 snin li għaddew u jattakka u jhedded lil min ma jaqbilx miegħu

Is-sorsi miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista jum wara ieħor qed jisħqu ma’ Net News b’mod kostanti li l-Mexxej tal-Labour għaddej minn kriżi interna fi ħdan il-Partit Laburista, b’nuqqas ta’ fiduċja b’mod partikolari qalb il-grassroots.

Tant hu hekk li l-Ġimgħa filgħaxija kien kostrett imur fuq il-midja tal-Labour biex iwassal l-istess messaġġ li wassal tul il-jum tal-Ħadd biex jiprova jilħaq lill-partitarji Laburisti…u dawk li jħossuhom parti mal-faxxa ta’ Joseph Muscat.

Abela qed jiprova jkabbar l-istatura tiegħu u jfakkar lil niesu li issa ilu 5 snin imexxi lil-Labour. Dan hekk kif huwa proprju 5 snin ilu li l-Partit Laburista biddel lill-mexxej tiegħu wara li Joseph Muscat kien sfurzat jirriżenja minn Prim Ministru u Mexxej tal-Labour wara li eluf ta’ nies kienu qed joħonqu t-toroq tal-Belt Valletta jipprotestaw kontra t-tmexxija f’Kastilja.

L-aspettattiva li Robert Abela kien se jitkellem f’xandira diretta fuq is-Super One l-Ġimgħa waranofsinhar kienet waħda akbar minn dak li ħareġ minn din l-intervista; ma ċċara b’ebda mod x’ħa jbiddel mil-liġi tal-inkjesti maġisterjali b’mod konkret, ma tkellimx dwar it-tibdil tal-prassi ta’ kif jintgħażlu l-konsulenti fil-ministeri…inkluż dawk ta’ positions of trust billi farfar ir-responsabbiltà fuq is-Segretarji Permanenti. Naqas milli jitkellem ukoll fuq il-kriżi fis-settur tas-saħħa.

Minflok huwa nfexx f’attakk partiġjan wieħed wara l-ieħor – attakki perikolużi saħansitra issa qed jgħid li qed jgħiru għalih.

Il-Prim Ministru ta’ Malta, minflok, f’madwar erbghin minuta intervista ittanta jagħmel kampanja ta’ marketing individwali biex jiġbed is-simpatija ma’ niesu li kull ma jmur numru ta’ Laburisti ġenwini qed jitilfu l-paċenzja b’rabta mal-politika li tul l-aħħar snin applikaw Robert Abela u sħabu.