Ix-xahar li għadda kompla mat-tendenza tal-maġġoranza tax-xhur tal-2024 u għalaq is-sena b’temp iżjed xott min-norma klimatika. Fil-fatt, matul ix-xahar ta’ Diċembru, l-Uffiċċju Meteoroloġiku kejjel 43.6 mm xita, jiġifieri 41.2 mm inqas millkwota.
Fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju Meterjoloġiku ntqal li fil- 5 ta’ Diċembru kellna l-aktar jum imxarrab hekk kif tkejjel 11.6mm xita f’inqas minn 24 siegħa. Għalkemm il-jiem ta’ wara l-Immakulata Kunċizzjoni kienu kkaratterizzati minn temp pjuttost stabbli, ix-xita reġgħet irritornat fil-15 ta’ Diċembru, b’ 7mm ta’ xita. Fi żmien il-Milied l-ammont ta’ xita ma kienx sinifikanti. Fl-istess xahar, tliet maltempati bis-sajjetti laqtu lill-Gżejjer Maltin.
Ħafna drabi, it-temp instabbli kien ikkaratterizzat ukoll minn riħ qawwi, tant li l-qawwa medja tar-riħ matul ix-xahar ta’ Diċembru kienet dik ta’ 9.8 knots, 0.7 knots iżjed mill-medja. L-ogħla buffuri tar-riħ tkejlu fl-20 u fit-23 ta’ Diċembru – nefħu mill-Punent u laħqu l-45 knot.
Matul l-istess xahar, it-temperatura medja kienet dik ta’ 14.5°C, jiġifieri l-istess livell tan-norma klimatika. L-ogħla temperatura ġiet imkejla fl-14 ta’ Diċembru, meta l-merkurju tela’ għal 21.3°C, filwaqt li l-aktar lejl kiesaħ kien dak tat-30 ta’ Diċembru, bl-inqas temperatura ta’ 8°C.
Xi ħaġa interessanti hi li t-temp sħun tal-ħarifa wassal biex it-temperatura tal-baħar tibqa’ pjuttost għolja. Bil-medja f’wiċċ il-baħar tkun 2.2°C ogħla mill-medja, għal 20.5°C.
Il-jiem ta’ Diċembru kellhom medja ta’ 5.3 sigħat xemxin, bl-aktar jiem imdawlin kienu t-22 u l-31 ta’ Diċembru, meta tkejlu 8.6 sigħat xemxin, filwaqt li t-tieni jum tax-xahar kien l-aktar wieħed imdallam hekk kif kejjel inqas minn siegħa waħda xemxija.
//= $special ?>