Futbol Sport

Futbol: Imut Denis Law…l-eks ikona ta’ Manchester United li anki lagħab 55 darba għall-Iskozja

Denis Law, wieħed mill-aktar attakkanti Britanniċi prolifiċi u leġġenda ta’ Manchester United, miet fl-età ta’ 84 sena. Law li anki għamel żmien fuq il-kotba tal-klabb Taljan Torino u li lagħab ukoll ma’ Manchester City kien anki skorer prolifiku għat-tim nazzjonali Skoċċiż minbarra li hu wkoll l-uniku plejer tal-Iskozja li qatt rebaħ il-Ballon d’Or.

Denis Law jibqa’ leġġenda għall-partitarji kollha ta’ Man Utd irrispettivament miż-żmien u meta huma jiftakruh bħala wieħed mill-‘Holy Trinity’ — l-istess bħal Bobby Charlton u George Best (ukoll rebbieħa tal-Ballon d’Or’) u li l-istatwa tagħhom it-tlieta tispikka bħala parti mill-kumpless tal-istadium ta’ Old Trafford,

Law kellu l-laqmijiet ta’ ‘The King’ u ‘The Lawman’ u meta l-karriera tiegħu mar-Red Devils damet għal 11-il sena….Karriera fejn hu skorja 237 gowl f’404 dehra għall-klabb u meta hu wkoll it-tielet l-aqwa skorer fl-istorja ta’ United wara Wayne Rooney u Bobby Charlton.

Imwieled Aberdeen fl-Iskozja, Denis Law kien beda l-karriera tiegħu ma’ Huddersfield Town qabel sar wieħed mill-ewwel plejers Britanniċi — ma’ John Charles u Joe Baker — li marru l-Italja għal ‘esperjenza ġdida ta’ futbol’ fl-ogħla livell.

Intant, Denis Law, b’kollox, lagħab 55 darba għall-Iskozja — bl-aħħar logħba tiegħu tkun kontra Zaire, fil-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-1974 fil-Ġermanja u li l-Iskoċċiżi kienu rebħu bl-iskor ta’ 2-0.

Fl-istess ħin, it-30 gowl li skorja Denis Law bil-kuluri nazzjonali aċċertawh mit-titlu ta’ ‘joint top scorer’ tal-Iskozja għal kull żmien.

L-eks attakkant kien kiser ir-rekord tat-trasferimenti ( bejn il-klabbs) fir-Renju Unit għal xejn anqas minn tlett darbiet tul il-karriera tiegħu u lejn l-aħħar ta’ ħajtu kien baqa’ attiv bħala personalità u mistieden speċjali fuq il-programmi sportivi.

Kien fl-2021 li Denis Law kien ikkonfermat bil-marda Alzheimer’s u fejn hu kien qed ibati wkoll bid-dementia vaskulari.