L-Unjoni Ewropea qed tikkundanna l-kampanja ta’ vjolenza u intimidazzjoni fil-konfront tal-Oppożizzjoni Ġorġjana li qed tinsisti biex – kuntrarju għad-diktat tal-Gvern – il-pajjiż jitħalla jkompli bil-proċess lejn sħubija fl-Unjoni ta’ 27 Stati membri.
It-tħassib fi Brussell u Strasbourg kompla jikber wara li l-Eks Prim Ministru tal-Ġorġja – illum Kap tal-Oppożizzjoni – Giorgi Gakharia – iddaħħal l-isptar, midrub, wara li spiċċa attakkat b’mod vjolenti mill-membri tal-Partit għall-Ħolma Ġorġjana fil-Gvern.
Gakharia spiċċa b’imnieħru miksur waqt l-inċident li seħħ f’lukanda fl-inħawi ta’ Batumi – bil-partit tiegħu jisħaq li l-attakk fuqu sar ‘bi skop politiku’ u bħala ‘azzjoni intiża biex tintimida lill-Oppożizzjoni’.
Anitta Hipper, bħala kelliema għall-Kummissjoni Ewropea, qalet, wara, li l-involviment irrappurtat tal-politiċi tal-Gvern ‘f’dan l-attakk brutali’ hu fattur li għandu jixxokkja lil kull min jemmen fid-demokrazija u d-dritt għall-espressjoni ħielsa. Hi kompliet li l-attakk u azzjonijiet vjolenti bħal dawn m’għandhom l-ebda post fi kwalunkwe pajjiż bil-kredenzjali demokratiċi.
Ir-Repubblika tal-Ġorġja, fir-reġjun tal-Kawkasu, ilha għaddejja mill-kaos u t-taqlib politiku mindu saru l-elezzjonijiet nazzjonali polemikużi ta’ Ottubru… F’din il-klima ta’ biża’ u tensjoni saru wkoll l-attakki ripetuti fuq il-personalitajiet tal-Oppożizzjoni u d-dimostranti li qed jipprotestaw fit-toroq kontra ‘l-istil dittatorjali’ tal-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Irakli Kobakhidze.
Il-partit ta’ Gakharia kien fost erba’ gruppi tal-Oppożizzjoni li rebħu s-siġġijiet fl-Assemblea ta’ Tbilisi, iżda dawn kollha rrifjutaw li jkunu preżenti fil-Parlament fost l-akkużi li l-Partit għall-Ħolma Ġorġjana mmanipula l-votazzjoni biex jaċċerta mis-suċċess elettorali.
Il-Parlament Ewropew, sadanittant, sejjaħ biex l-elezzjoni fil-Ġorġja ssir mill-ġdid wara proċess imfisser bħala ‘mhux ħieles jew xieraq’ fiċ-ċirkustanzi.
Dan waqt li Kaja Kallas, bħala l-Uffiċjal responsabbli mill-Politika Barranija tal-Unjoni Ewropea, akkużat lill-Gvern ta’ Irakli Kobakhidze dwar l-użu ta’ politka ta’ ripressjoni bħala ‘arma’ kontra l-Oppożizzjoni.
Il-protesti tal-massa f’Tbilisi u bliet oħra tal-Ġorġja ilhom għaddejjin b’mod konsistenti mindu l-Kapijiet tal-Ħolma Ġorġjana ħabbru, ġimgħat ilu, li qed jiffriżaw id-djalogu biex il-pajjiż jiftaħ it-taħditiet għall-isħubija fl-UE.
L-Unjoni Ewropea qed tinkwieta wkoll dwar l-arrest arbitrarju tad-dimostranti – u anki ġurnalisti – fil-Ġorġja. Dan fost sitwazzjoni fejn għexieren ta’ dimostranti u ġurnalisti qed jisfaw attakkati u midruba mill-gruppi tas-sostenituri tal-Gvern li mhumiex iżommu lura mill-vjolenza.
Fl-istess ħin, l-UE u l-Istati Uniti akkużaw lill-Partit għall-Ħolma Ġorġjana b’li qed imur lura minn kelmtu biex iżomm mal-kriterji demokratiċi – bl-Oppożizzjoni f’Tbilisi takkuża lill-istess partit fil-Gvern u lill-fundatur tiegħu, il-biljunarju Bidzina Ivanishvili, b’li qegħdin jaħdmu speċifikament għall-interessi tar-Russja.
Mifhum ukoll li l-Partit fil-Gvern u Ivanishivili jridu jiċħdu lill-Ġorġjani minn futur bħala membri tal-UE fuq id-direttivi ‘espliċiti’ tal-Kremlin, f’Moska.
//= $special ?>