Lokali

Il-Kap tal-PN f’taħditiet mal-mexxejja tal-PPE f’Berlin

Diskussi fost l-oħrajn il-kwalità tal-ħajja, il-kompetittività tal-ekonomija u t-tnaqqis tal-burokrazija Bernard Grech f’laqgħat ukoll mal-Ambaxxatriċi l-ġdida ta’ Malta għall-Ġermanja u fil-Bundestag

Wara ġurnata ta’ laqgħat u taħditiet fost l-oħrajn fil-Bundestag Ġermaniż, illejla l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ta bidu għall-impenji tiegħu fil-laqgħa tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) fejn qed isiru diskussjonijiet bejn il-mexxejja tal-PPE fuq diversi temi importanti.

L-EPP Leaders’ Retreat li qed isir f’Berlin għandu importanza partikolari minħabba li qed jiġi ospitat fil-Ġermanja mill-partit Demokristjan tas-CDU (Christian Democratic Union) ftit biss qabel elezzjoni ġenerali importanti li se ssir ix-xahar id-dieħel u li dan il-partit taċ-Ċentru-Lemin mistenni jirbaħ, wara li kkollassa l-Gvern ta’ koalizzjoni mmexxi mill-Kanċillier Soċjalista Olaf Scholz.

Bħall-Partit Nazzjonalista, is-CDU huwa membru fil-Partit Popolari Ewropew, l-akbar grupp politiku fl-Ewropa.

Flimkien mal-Prim Ministri u l-mexxejja oħra tal-PPE, Bernard Grech qed jiddiskuti temi ta’ interess komuni bħall-kwalità tal-ħajja, il-kompetittività tal-ekonomija Ewropea u t-tnaqqis tal-burokrazija, l-immigrazzjoni u s-sigurtà fl-Ewropa. Id-diskussjonijiet qed ikomplu fuq dawk li nbdew fl-Assemblea Politika li kienet tlaqqgħet f’Malta, ospitata mill-Partit Nazzjonalista.

Barra minn hekk, il-laqgħat ta’ ħidma matul l-EPP Leader’s Retreat, li jkompli wkoll għada, se jipprovdu opportunità biex jiġi diskuss il-Kungress tal-Partit Popolari Ewropew li se jsir f’April li ġej f’Valencia.

It-taħditiet qed jitmexxew mill-President tal-PPE Manfred Weber u preżenti hemm ukoll il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen u l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola.

Aktar kmieni llum, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kellu wkoll laqgħa ma’ Marlene Bonnici li, fil-jiem li ġejjin, se tibda sservi bħala Ambaxxatur ta’ Malta għall-Ġermanja wara li serviet bħala r-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-UE. Il-laqgħa saret waqt żjara li Bernard Grech għamel fl-Ambaxxata Maltija f’Berlin proprju fl-ewwel jum ta’ Marlene Bonnici fl-uffiċċju l-ġdid tagħha.

Il-Kap tal-PN żar ukoll il-Fondazzjoni Konrad Adenauer – think tank politiku għat-tisħiħ u l-iżvilupp tal-moviment Demokristjan – u mal-uffiċjali ta’ din il-Fondazzjoni ddiskuta l-qagħda politika f’Malta u awgura suċċess lis-CDU għall-elezzjonijiet ta’ Frar li ġej fil-Ġermanja.

Mad-delegazzjoni mmexxija mid-Deputat Segretarju Ġenerali tal-Fondazzjoni Gerhard Wahlers, kienet diskussa wkoll il-kollaborazzjoni bejn din il-Fondazzjoni Ġermaniża b’rabtiet mas-CDU u l-Fondazzjoni AŻAD tal-Partit Nazzjonalista – kollaborazzjoni li tmur lura snin twal sa minn qabel Malta saret membru tal-UE. Huma tkellmu dwar proġetti u inizjattivi konġunti li qed jiġu ppjanati għall-2025.

Ilbieraħ Bernard Grech kellu wkoll taħditiet fil-Parlament Ġermaniż, il-Bundestag, fejn iltaqa’ mal-Viċi President tal-Grupp tas-CDU fil-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament Ġermaniż, Roderich Kiesewetter u ddiskutew diversi temi ta’ interess komuni għaż-żewġ pajjiżi.

Id-Deputat tal-Bundestag kien interessat jisma’ dwar il-qagħda tal-ekonomija Maltija u l-problemi li tiffaċċja Malta fil-qasam tal-immigrazzjoni. Il-Kap tal-PN u Kiesewetter tkellmu wkoll dwar in-newtralità u qablu li l-ħidma favur il-paċi għandha tkun prijorità, waqt li laqgħu l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied f’Gaza.

F’Berlin, il-Kap tal-PN jinsab akkumpanjat mis-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista Beppe Galea.