Il-Prosekuzzjoni qalet fil-Qorti li l-każ Vitals fejn hemm mixlija l-Eks Deputat Prim Ministru Chris Fearne, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Edward Scicluna u 12-il persuna oħra, se jinqasam b’mod li l-akkużati kollha ma jinstemgħux f’daqqa.
Meta kompla l-każ kontrihom quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana, il-Prosekuzzjoni qalet ukoll li fadal biss ix-xhieda tal-esperti u li għas-seduta li jmiss fil-21 ta’ Jannar, l-espert Jeremy Harbinson mhux mistenni jkun f’Malta biex jixhed u għaldaqstant m’hemmx għaliex issir.
Hawn diversi avukati tad-difiża fosthom l-avukat Ezekiel Psaila, li stqarrew li huwa inaċċettabbli li Harbinson jibqa’ jirrifjuta li jixhed, bil-Prosekuzzjoni twieġeb billi tgħid li l-Avukat Ġenerali għandha l-prerogattiva li tagħżel min jixhed.
Fost ix-xhieda tal-Ġimgħa, kienu l-kontrollur finanzjarju tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti (CSA) Bernice Bugeja li xehdet kif grupp ta’ esperti li kienu qed jagħmlu xogħol b’rabta mal-inkjesta tal-Vitals, intalbu joqogħdu f’lukanda differenti minħabba li dik li kienu qed joqogħdu fiha kienet għolja ħafna.
Bugeja ppreżentat numru sostanzjali ta’ rċevuti tal-esperti li ġew ingaġġati fl-inkjesta. Hija qalet li hemm espert partikolari li ġie ngaġġat f’inkjesti differenti u b’hekk għandu rċevuti differenti, filwaqt li espert ieħor żamm l-istess irċevuti.
L-avukat tad-difiża Franco Debono saħaq li kien staqsa għal aktar informazzjoni dwar l-esperti u fuq din it-talba. Hawn is-seduta ġiet sospiża għal 10 minuti sabiex l-avukati tad-difiża jiflu l-irċevuti flimkien. Wara li għadda l-ħin, il-Prosekuzzjoni talbet għal divjet fuq is-somom li tħallsu lill-esperti individwali fejn diġà ġiet ippubblikata s-somma totali tal-inkjesta.
Id-difiża ma qablitx u qalet li dan huwa fl-interess tal-pubbliku u għalhekk kienet qed toġġezzjona. L-avukat tad-difiża Stefano Filletti qal li ma hemm l-ebda provediment fil-liġi li jippermetti divjet fuq din it-tip ta’ informazzjoni u rrimarka li l-Avukat Ġenerali trid divjet mingħajr ma taf x’fihom l-irċevuti.
“Din hija waħda mill-akbar talbiet strambi li qatt smajt. Waħda mill-aktar prinċipji li qed tikkontesta d-difiża hija kif tmexxiet l-inkjesta”, sostna Debono. Il-Prosekuzzjoni sostniet li t-talba tagħha torbot biss mal-midja, b’Debono jirribatti li diġà hemm esperti li ma jridux jixhdu.
L-avukat Giannella de Marco argumentat li l-liġi ma tagħtix lok li jiġi ordnat divjet fuq is-somom li tħallsu lill-esperti u li m’hemmx raġuni valida għal din it-talba. Hi staqsiet għaliex il-Prosekuzzjoni qed tipprova tiddefendi “dawn is-suppost esperti”.
Il-Qorti qablet mad-difiża u qalet li din l-informazzjoni hija fl-interess tal-pubbliku u ċaħdet it-talba tal-Prosekuzzjoni. Wara, xehed is-senior accountant tal-MTCA, Jesmar Bilocca, li spjega kif intalab jinvestiga każ marbut mal-akkużati Deborah Chappell u Kenneth Deguara. Iżda hu qal li dan l-inkarigu għadu ma ġiex assenjat lit-tim tiegħu.
Hu qal li minħabba f’hekk, ma jistax jgħid meta se jitlesta x-xogħol. Bilocca kkjarifika li l-każ huwa marbut ma’ ħlas ta’ taxxa. Bilocca qal li l-investigazzjoni tkopri bejn l-2013 u l-2023 u torbot ma’ pagamenti ta’ VAT u t-talba waslet dan ix-xahar stess mingħand il-Pulizija.
Qal li l-investigazzjoni mhijiex ta’ natura amministrattiva imma ta’ natura kriminali. Fi tmiem is-seduta, il-Prosekuzzjoni qalet li fadal biss ix-xhieda tal-esperti u li għas-seduta li jmiss fil-21 ta’ Jannar, l-espert Jeremy Harbinson mhux mistenni jkun f’Malta biex jixhed u għaldaqstant m’hemmx għaliex issir.
L-avukat Ezekiel Psaila stqarr li huwa inaċċettabbli li Harbinson jibqa’ jirrifjuta li jixhed, bil-Prosekuzzjoni ssostni li l-Avukat Ġenerali għandha l-prerogattiva li tagħżel min jixhed. Intant, il-Prosekuzzjoni kkonfermat ukoll li l-każ se jinqasam b’mod li l-akkużati kollha ma jinstemgħux f’daqqa.
Il-każ kontra Chris Fearne, Edward Scicluna u kontra Ronald Mizzi, Alfred Camilleri, Joseph Rapa u Bradley Gatt se jinstema’ fis-17 ta’ Frar. Il-każ kontra Aron Mifsud Bonnici, Manuel Castagna u kontra James Camenzuli, Robert Borg u kontra Kenneth Deguara, Kevin Deguara, Jean-Carl Farrugia u Deborah Anne Chappell se jinstema’ fit-18 ta’ Frar.
Minbarra Fearne u Scicluna, akkużati oħra jinkludu l-Eks Segretarji Permanenti Alfred Camilleri u Joseph Rapa, is-Segretarju Permanenti attwali Ronald Mizzi, membri tal-kumitat ta’ aġġudikazzjoni li assenja l-kuntratt lil Vitals li huma James Camenzuli, Manuel Castagna, u Robert Borg’ il-kontrollur finanzjarju Kenneth Deguara u ħames avukati: Deborah Anne Chappell, Kevin Deguara, Jean Carl Farrugia, Bradley Gatt u Aron Mifsud Bonnici.
L-avukat Stephen Tonna Lowell qed jidher għal Edward Scicluna u Chris Fearne. Joseph Rapa huwa rappreżentat mill-avukati Stefano Filletti, Maurice Meli u Michael Sciriha. Għal Kenneth Deguara qed jidhru l-avukati Zachary Psaila, Franco Debono u Jonathan Thompson. Jean Carl Farrugia qed jiġi difiż mill-avukati Zachary Psaila, Franco Debono, Arnold Camilleri u Jonathan Thompson.
Deborah Anne Chappell qed tkun rappreżentata mill-avukati Stefano Filletti, Roberto Montalto, Maurice Meli u Joseph Mizzi. Għal Bradley Gatt qed jidhru l-avukati Michael Sciriha, Franco Debono u Franco Galea.
L-Avukat Giannella de Marco qed tidher għal Aron Mifsud Bonnici. James Camenzuli huwa rappreżentat mill-avukati Michael Sciriha u David Farrugia Sacco. Manuel Castagna qed ikun difiż mill-avukat Ezekiel Psaila. Għal Robert Borg qed jidhru l-Avukati Arthur Azzopardi, Franco Debono u Marion Camilleri. DF Advocates qed tkun rappreżentata mill-avukati Ezekiel Psaila, Franco Debono, Marion Camilleri u Jonathan Thompson.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Francesco G Refalo, Rebekah Spiteri u Shelby Aquilina flimkien mas-Supretendent Hubert Cini u l-Ispettur Wayne Rodney Borg. B’rabta ma’ din l-istess serqa ta’ miljuni ta’ ewro, hemm akkużati fost l-oħrajn Joseph Muscat, Konrad Mizzi, Keith Schembri, Brian Tonna, Karl Cini u numru kbir ta’ esponenti Laburisti.
Il-każ ta’ dawn qed jinstema’ mill-Maġistrat Rachel Montebello.
//= $special ?>