Edukazzjoni Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-edukazzjoni skolastika tissaħħaħ fil-familja

Il-PN b’pożizzjoni kontra li jitwalu l-ħinijiet tal-iskejjel; jitlob it-twaqqif ta’ Task Force li tixtarr ir-realtajiet soċjali u jimpenja ruħu li jikkontribwixxi bis-soluzzjonijiet

L-edukazzjoni fil-klassi trid tissaħħaħ u titkompla fil-familja, u waħda ma tiħux post l-oħra.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Partit Nazzjonalista – permezz tax-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja’ Justin Schembri u x-Shadow Minister għall-Familja Albert Buttigieg – tenna l-pożizzjoni ċara tiegħu kontra li jitwalu l-ħinijiet tal-iskola f’pajjiżna.

Filwaqt li l-esponenti tal-Gvern mhux jaqblu bejniethom dwar din il-kwistjoni u qed jagħmlu argumenti min favur u min kontra – bil-Ministru tal-Edukazzjoni Clifton Grima jgħid mod u d-Deputat Laburista Edward Zammit Lewis jgħid mod ieħor – il-Partit Nazzjonalista hu ċar fuq il-pożizzjoni tiegħu u qed jinsisti li jinstabu soluzzjonijiet oħra.

L-istudji jikkonfermaw li l-edukazzjoni u l-iżvilupp tat-tfal mhumiex biss attribwiti lill-ħidma siewja li jwettqu l-edukaturi u l-għalliema fl-iskejjel, imma jmorru ħafna aktar minn hekk, u l-familja għandha rwol importanti tassew li mhux dejjem qiegħed ikun rikonoxxut fis-soċjetà mgħaġġla tal-lum.

Għalhekk, l-iskola għandha sservi bħala għodda għat-tagħlim li jikkumplimenta lil dak li t-tfal tagħna jieħdu mill-esperjenza tad-dar, u bl-ebda mod ma għandu qatt ikollna soċjetà li fiha l-familji tagħha jistennew li jwarrbu r-responsabbiltà tagħhom biex din tkun merfugħa mill-għalliema u mill-edukaturi fl-iskejjel. Ir-rwoli tal-familja u tal-iskola għandhom jappoġġjaw lil xulxin imma qatt ma għandhom ikunu mistennija li jaqdu l-istess funzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista jirrikonoxxi r-rwol kruċjali tal-ġenituri, u llum anke tan-nanniet, u għall-PN dan huwa vvalutat tant li jridu jissaħħaħ biex it-tfal ikollhom aktar ħin mal-familja li hi l-qofol tas-soċjetà.

Il-Partit Nazzjonalista jifhem li hemm servizzi importanti li hemm bżonn jissaħħu, bħall-Breakfast Club u l-Klabb 3-16 billi qabelxejn jiżdiedu r-riżorsi umani u edukattivi u jitjiebu l-perkaċċi finanzjarji għal min qiegħed joffri dan is-servizz. Madankollu dawn is-servizzi essenzjali għandhom ikunu biss ta’ għajnuna addizzjonali, u mhux is-soluzzjoni permanenti.

Uliedna huma l-akbar għożża u riżorsa li għandna f’dan il-pajjiż. Bħala soċjetà, għandu jkun fl-interess tagħna li ninvestu fit-tfal tagħna bħala ċ-ċittadini ta’ issa u ta’ għada. It-tfal diġà qegħdin iqattgħu ħafna ħin ’il bogħod mill-familja. Ħinijiet itwal fl-iskola jippreġudikaw il-ħin li jixirqilhom iqattgħu d-dar.

Il-Partit Nazzjonalista jifhem u jagħraf li madwarna jeżistu realtajiet soċjali ġodda. Ma nistgħux ninjoraw il-bżonnijiet ekonomiċi tal-familji tagħna, imma rridu soċjetà li tqis il-valur tal-familja qabel dak ekonomiku, inkella l-familja tkun qed titlef il-qofol tagħha fit-tfassil tal-iżvilupp tat-tfal.

Il-Partit Nazzjonalista ilu sa minn qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet jisħaq fuq il-bżonn ta’ aktar miżuri favur il-work-life balance sabiex il-ġenituri li jaħdmu ma jikkompromettux il-familja minħabba l-karriera u l-impjieg.

Fid-dawl ta’ dak li qed jiġi propost, il-Partit Nazzjonalista jsejjaħ għat-twaqqif ta’ Task Force li tistudja b’mod olistiku din ir-realtà soċjali ġdida, bl-involviment tal-istakeholders kollha u tagħmel pjan ta’ azzjoni għall-ġid tal-familja Maltija.

Il-Partit Nazzjonalista jimpenja ruħu bil-quddiem biex jagħti sehmu u jressaq ’il quddiem l-ideat tiegħu dwar dan is-settur.