Ifarfar il-ħatriet tal-konsulenzi fuq is-Segretarji Permanenti – imma min ħatar lil Amanda Muscat mal-Ministeru għal Għawdex?
Over My Dead Body. Hekk stqarr din il-ġimgħa il-Prim Ministru Robert Abela meta ddeskriva kif se jkun qed jiddefendi lill-Ministri sħabu. Dan hekk kif bosta, inkluż edituri, professjonisti legali u opinjonisti qed jiddeskrivu dak li qed jipproponi l-Gvern ta’ Abela bħala att perikoluż – mossa li se twassal għat-tibdil fl-inkjesti maġisterjali. U l-fatt li jrid jirristrinġihom u jillimita liċ-ċittadin milli jitlob għal ftuħ ta’ tali inkjesti kif hija prassi bħalissa.
Għal jum ieħor, il-ġurnalisti staqsew lill-Prim Ministru x’se jkun qiegħed jibdel u jfiehem x’se tkun qed tgħid il-liġi, hekk kif s’issa għajr titlu tal-ewwel qari fil-Parlament ma ġiex ippreżentat. Madanakollu l-Prim Ministru jew lanqas huwa stess ma jaf x’inhuma l-bidliet bi preċiż jew qiegħed jinsisti biex jibqa’ jaħbi.
Mistoqsi jekk hux minnu li minflok persuna tmur b’talba l-Qorti biex tinfetaħ inkjesta maġisterjali issa trid tmur id-Depot tal-Pulizija, Abela ma ċaħadx.
Intant, is-sit The Shift News żvela li, wara l-iskandlu tal-mara tal-issa eks Ministru Clayton Bartolo, huma s-Segretarji Permanenti li se jkunu qed jerfgħu responsabbiltà għal min ikun impjegat bħala konsulent mal-Ministeri – anke jekk dawn ikunu mħaddma fuq bażi ta’ person of trust mill-Ministru.
Qabel ma faqqa’ l-iskandlu ta’ Amanda Muscat is-Segretarji Permanenti kien japprovaw il-kuntratti tal-konsulenti wara li jingħataw il-kunsens minn Kastilja, ċioè jew mill-Ministru jew mill-Prim Ministru nnifsu.
Għaldaqstant id-domanda tiġi waħedha, min ta l-approvazzjoni biex Amanda Muscat tingħata job ta’ €70,000 fis-sena mal-Ministeru għal Għawdex – il-Ministru Clint Camilleri jew il-Prim Ministru Robert Abela? Min fadallu jerfa’ responsabbiltà?
//= $special ?>