Il-vittmi ma jistgħux jibqgħu jistennew fil-limbu
Il-Partit Nazzjonalista jtenni s-sejħa tiegħu biex jiżdied b’mod sostanzjali n-numru ta’ Maġistrati li fil-Qrati ta’ pajjiżna jisimgħu u jiddeċiedu każijiet ta’ vjolenza domestika. Fil-preżent effettivament fil-Qrati ta’ pajjiżna għandna żewġ Maġistrati li qegħdin jisimgħu u jiddeċiedu każijiet ta’ vjolenza domestika. Skont l-istatisika uffiċjali, f’Novembru 2024 kien hemm:
Novembru 2024 | Numru ta’ każijiet pendenti | ||
Maġistrat A | 1,601 | ||
Maġistrat B | 793 | ||
Maġistrat Ċ | 17 | ||
Total: | 2,411 |
Fi stqarrija, Karol Aquilina, Shadow Minister għall-Ġustizzja; u Graziella Attard Previ, Shadow Minister għall-Ugwaljanza, il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet tat-Tfal; qalu li f’Novembru 2023 in-numru ta’ każijiet pendenti kien ta’ 2,236. Għalhekk huwa ċar li l-Maġistrati qegħdin jintalbu jagħmlu l-impossibbli fil-qadi ta’ dmirijiethom, b’riżorsi limitati kkawżati minn nuqqas ta’ investiment mill-Gvern fir-riżorsi umani u fl-infrastruttura meħtieġa fil-Qrati ta’ pajjiżna.
Għalhekk il-Partit Nazzjonalista jinsisti li ż-żieda fin-numru ta’ Maġistrati trid tkun kumplimentata minn żieda fin-numru ta’ ħaddiema assenjati direttament mal-Maġistrati. Dawn il-ħaddiema jrid ikollhom esperjenza u għarfien dwar prattiċi legali u proċedurali.
Din il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista hija wkoll kkonfermata minn dak li kkonkluda u rrakkomanda l-eks Imħallef Lawrence Quintano fl-inkjesta dwar is-servizzi ta’ natura soċjali li ngħatat Nicolette Ghirxi:
“Dwar in-numru ta’ kawżi dwar il-vjolenza domestika jinħtieġ li l-ewwel nett l-ordnijiet ta’ protezzjoni joħorġu malajr kemm jista’ jkun ukoll mill-Maġistrati tal-Għassa. It-tieni jekk hemm bżonn jiżdiedu l-Maġistrati u sakemm isir hekk il-kawżi li hemm pendenti u għadhom ma bdewx jinstemgħu jitqassmu bejn kulħadd. Dawn il-każi ma jistgħux jistennew.”
Min hu vittma ta’ vjolenza domestika ma jistax jibqa’ jistenna fil-limbu sakemm il-każ tiegħu jinstema’ u jiġi deċiż mill-Qrati ta’ pajjiżna. Id-dewmien eżaġerat qed jagħmel inġustizzja oħra mal-vittmi tal-vjolenza domestika. Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li fl-aħħar xhur u snin ressaq diversi suġġerimenti biex pajjiżna jiġġieled il-pjaga tal-vjolenza domestika.
Il-PN jenfasizza li l-problema tal-vjolenza domestika f’pajjizna hija waħda kbira u li qed tkompli tiżdied u li qed tħalli ħafna konsegwenzi serji fuq is-soċjetà u l-familji Maltin u Għawdxin. Huwa xokkanti li mis-sena 2020 sal-lum, ġew irrappurtati aktar minn 7,000 każ ta’ vjolenza domestika. Għaldaqstant din ir-realtà trid tingħata l-prijorità li jixirqilha.
//= $special ?>