Fil-Palazz tal-President f’Sant’Anton, saret it-tnedija tal-ktieb ‘Ġorġ Borg Olivier, il-bniedem, il-politiku, il-Missier ta’ Malta Indipendenti’, miktub mill-ġurnalist veteran Michael Caruana u ppubblikat mill-Partit Nazzjonalista f’għeluq is-60 anniversarju tal-Indipendenza ta’ pajjiżna.
Fil-ftuħ tas-serata, il-President Myriam Spiteri Debono fakkret kif minn tfulitha Ġorġ Borg Olivier kien jispiraha għall-għaqal, il-kawtela u l-kapaċità li jistenna l-mument opportun qabel jieħu deċiżjonijiet importanti.
Hi qalet li tikkonsidra ruħha bħala Repubblikana u dejjem xtaqet li tara lil Malta ssir Repubblika. U insistiet li kieku ma kienx hemm l-Indipendenza li ġab Ġorġ Borg Olivier, Malta ma kinetx tkun tista’ ssir Repubblika.
Illum, 60 sena wara l-Indipendenza, il-poplu Malti u Għawdxi għandu prospetti u opportunitajiet aktar miftuħa u aktar mifruxa… grazzi għall-fiduċja li kellu Ġorġ Borg Olivier fil-ġens Malti meta stinka kemm felaħ sakemm Malta saret pajjiż sovran.
Diskorsi oħra b’esperjenzi anki personali dwar Ġorġ Borg Olivier twasslu mill-Imħallef Toni Abela, mill-Professur Tonio Borg kif ukoll minn Alexander Borg Olivier, iben Ġorġ Borg Olivier.
Fl-istess serata, l-awtur tal-ktieb, Michael Caruana, kien ukoll intervistat mill-ġurnalist Dione Borg.
Fin-nuqqas tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, li jinsab f’Berlin għal laqgħa mal-mexxejja tal-Partit Popolari Ewropew, is-serata tat-tnedija ta’ dan il-ktieb għalqet b’diskors mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione.
Fid-diskors tieg,ħu filwaqt li feraħ lill-awtur għal din il-pubblikazzjoni, elenka wkoll uħud mill-aqwa kwalitajiet li kellu Ġorġ Borg Olivier, valuri li tajjeb li jħarsu lejhom u jimitawhom dawk kollha li llum qegħdin jaspiraw għal karriera politika.
Preżenti wkoll għal din it-tnedija kien hemm is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino.
//= $special ?>