Ewropa Lokali

Tkompli l-ħidma ta’ Bernard Grech f’Berlin: Numru ta’ laqgħat ma’ mexxejja Ewropej

Il-ħidma tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista fil-Ġermanja kompliet illum hekk kif matul il-jum Bernard Grech kompla bid-diversi laqgħat ma’ numru ta’ mexxejja internazzjonali.

Matul il-jum tal-ġimgħa, f’Berlin, il-Kap tal-PN iltaqa’ mal-Viċi Presidenti tal-Grupp tas-CDU fil-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament Ġermaniż Roderich Kiesewetter. Hawn, ġew diskussi diversi temi fosthom l-interess komuni tal-Ġermanja u Malta; il-qagħda ekonomika Maltija; u l-problemi li qed jaffaċċja pajjiżna fejn tidħol l-immigrazzjoni.

F’din il-laqgħa, ġiet diskussa wkoll in-newtralità fejn kien hemm qbil dwar il-ħidma favur il-paċi – bil-Kap tal-PN u l-President tas-CDU jilqgħu l-waqfien mill-ġlied f’Gaza.

Intant, il-ħidma fuq livell internazzjonali tal-Kap tal-PN se tkun qed tkompli matul il-jiem li ġejjin fejn se ssir laqgħa tal-mexxejja tal-partiti li jagħmlu parti mill-Partit Popolari Ewropew li hija ta’ importanza kbira fid-dawl tal-elezzjonijiet li se jkunu qed isiru fil-Ġermanja fi Frar li ġej.

Bernard Grech jinsab akkumpanjat f’Berlin mis-Segretarju Internazzjonali tal-PN Beppe Galea.

Intant, qabel il-laqgħa tal-EPP, il-Kap tal-PN żar ukoll l-ambaxxata Maltija f’Berlin fejn intlaqa’ mill-ambaxxatriċi Marlene Bonnici, li se tkun konfermata f’dan l-irwol fl-aħħar ta’ Jannar.