Lokali

“Nibża’ li nidħol norqod u ma nqumx”… waiting list għal magna bżonjuża ta’ kuljum

Ritratt: cpapeuropa.com

“Qed nibza’ li jekk nidħol norqod, ma nerġax inqum”.

Kienet din id-dikjarazzjoni li għamlet magħna anzjana, meta b’dieqa kbira spjegatilna li tbati mill-kundizzjoni tal-isleep apnea – kundizzjoni li żżommok milli tieħu nifs għal perjodu ta’ ħin meta tkun rieqed.

Huwa fid-dawl ta’ din il-kundizzjoni, li din l-anzjana tagħmel użu minn magna li tgħinha tieħu nifs il-ħin kollu matul l-irqad – is-CPAP. Magna, li ilha tuża għal dawn l-aħħar 18-il sena, u li ilha tingħata mingħajr ħlas għal 18-il sena.

L-anzjana spjegatilna li darba fis-sena din il-magna tiġi ċċekjata mill-professjonisti sabiex ikun ikkonfermat li qed taħdem kif suppost – iżda din id-darba, il-mara ndunat li kellha ‘error’ u għaldaqstant marret l-Isptar Mater Dei sabiex tibdel din il-magna qabel għeluq is-sena.

Iżda, kien hawnhekk li kienet infurmata li se tkun qed titpoġġa fuq waiting list, mingħajr ebda data ċara ta’ meta se tkun qed tingħata magna oħra – li taħdem kif suppost – sabiex tkun tista’ tużaha waqt l-irqad.

Mingħajr din il-magna, il-pipe tan-nifs ma jkunx jista’ jespandi biżżejjed sabiex jiġbed biżżejjed arja fil-ġisem, bil-konsegwenza li l-moħħ ma jkollux biżżejjed ossiġnu sabiex jiffunzjona. Għaldaqstant, jistgħu jiġu kkaġunati diversi problemi, fosthom dawk tal-qalb.

Hija spjegat li din il-magna dejjem kienet tingħatalha mingħajr ħlas – għaliex hija intitolata għaliha. Fejn tingħata karta roża – li permezz tagħha tieħu l-magna tas-CPAP sabiex tgħix ħajja aħjar.

Inkwetata, l-anzjana esprimiet li hi ma tistax taħdem, filwaqt li għandha biss pensjoni tar-romol… minkejja dan, persuni fl-Isptar Mater Dei qalulha li jekk ma tistax tistenna għandha tmur tixtri l-magna hi.

Huwa fid-dawl ta’ dan kollu li din il-persuna esprimiet id-diżappunt tagħha għall-fatt li minkejja d-dritt li tieħu ħsieb saħħitha… ma sabitx il-mezzi li tagħmel dan.