Lokali

NIŻVELAW: Ramona Attard mhux se tidħol fil-Parlament nhar it-Tnejn

Net News kiseb informazzjoni ta’ min jorbot fuqha illi l-membru Parlamentari li se tiġi co-opted minflok Randolph de Battista – Ramona Attard – mhux se tieħu s-siġġu fil-Kamra tad-Deputati nhar it-Tnejn. Dan hekk kif Robert Abela għadu ma ressaqx uffiċjalment isimha għall-approvazzjoni tal-Eżekuttiv Nazzjonali.

Is-sorsi tagħna qalulna li Abela jinsab f’paniku minħabba li hemm deputati li huma kontra n-nomina tagħha, u oħrajn li lanqas biss attendew għal-laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-bieraħ. Tant li issa, se jkollu jerġa’ jlaqqa’ l-Grupp Parlamentari u l-Eżekuttiv flimkien, nhar it-Tlieta li ġej.

Internament, hemm ħafna li qed ifakkru fil-falliment li kellha Ramona Attard bħala President tal-Labour fl-elezzjonijiet ta’ Ġunju. Dan hekk kif il-Partit Laburista tilef diversi maġġoranzi f’Kunsilli Lokali, tilef il-maġġoranza f’Għawdex, u tilef ukoll siġġu fil-Parlament Ewropew. Apparti minn hekk, fl-aħħar xhur kompliet titnaqqar is-saħħa li kellu l-Labour fis-surveys – u kollox qed jindika trend, li żgur mhix ċertifikat mill-aqwa għal Ramona Attard.